F’waħda mill-akbar kumpaniji f’pajjiżna, dik ta’ STMicroelectronics, f’Ħal Kirkop, saret l-ewwel laqgħa minn sensiela li se jsiru matul dik li qed tissejjaħ il-budget week, fejn fiha qed jitħabbru diversi miżuri minn setturi differenti għal pajjiż ta’ kwalità.
Fil-fatt il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ppreżenta tlettax-il miżura ekonomika, li minnhom diġa bdew deħlin fis-seħħ u oħrajn li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Fi sfond tal-akbar proġett barrani li qatt ra pajjiżna, b’investiment ta’ mitejn miljun ewro mill-privat u assigurazzjoni tal-pożizzjoni tal-kumpanija għall-25 sena li ġejjin f’pajjiżna, il-Ministru Schembri spjega li Malta kellha għaxar snin ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu u, għalhekk, il-pajjiż qiegħed fi stadju li jindirizza sfidi ġodda.
Il-Ministru rrimarka li dawn it-tlettax-il miżura jinqasmu fi tliet kategoriji, bl-ewwel waħda tkun dik ta’ attività high value added, li se tkun qed tara mhux biss reviżjoni sħiħa tal-Malta Enterprise biex jitjiebu l-iskemi li għandha, imma wkoll INDIS Act ġdid speċjalment fejn tidħol l-allokazzjoni ta’ art industrijali.
Waħda mill-iskemi li se tkun qed tiġi emendata għal xogħol u ħaddiema aktar ta’ kwalità fi ħdan il-Malta Enterprise hi dik ta’ Qualifying Employment Rules.
Qal, “Illum il-ġurnata din qegħda tapplika għall-barranin. Semmejt kif din se nkunu qegħdin nemendawha, li ngħollu l-ammont li jikkwalifikaw għaliha, jiġifieri issa mhux ħa taqla’ inqas minn sittin elf ewro ħalli nġibu l-kwalità fil-pajjiż biex int tkun tista’ tibbenefika minn din l-iskema, imma ftaħniha issa wkoll għal dawk il-Maltin li ilhom aktar minn tmin snin jaħdmu barra, jiġifieri issa għandhom l-esperjenza wkoll li issa nistednuhom hawn Malta biex jibdew iġibu dik l-esperjenza hawnhekk u jkollhom benefiċċju l-istess bħalma għandhom il-barranin.”
Miżura ewlenija li taqa’ taħt it-tieni kategorija, dik tal-aspett teknoloġiku, hi s-central data repositry, fejn permezz ta’ e-wallet, iċ-ċittadini u l-kumpaniji b’sempliċi ritratt tal-ID Card, permezz tal-AI u teknoloġiji oħrajn bħal OCR u Blockchain, ikollhom l-informazzjoni miġbura tal-klijenti f’post wieħed.
Miżuri oħrajn, Ii jaqgħu taħt din il-kategorija, huma l-European Digital Innovation Hub, High Performance Computer, strateġija tal-AI iktar ambizzjuża, Start Ups Framework u Incubation centre ġdid għal kumpaniji startups.
Sadanittant il-Ministru Schembri aċċenna li Malta ta’ kwalità tfisser ukoll edukazzjoni b’miżuri bħal twaqqif ta’ ċentru ta’ kompetenza, investiment fl-edukazzjoni fuq Video Gaming Unreal Engine, akkademja tal-midja interattiva u akkademja tal-avjazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri tkellem dwar riforma maġġuri kif pajjiżna jirregola l-immigrazzjoni marbuta max-xogħol li, fiż-żmien li ġej, se tkun qed tiftaħ għall-konsultazzjoni ma’ diversi msieħba u anke għall-pubbliku.
Tenna li din il-miżura bbażata fuq erba’ prinċipji tibgħat messaġġ ċar għal kull min jimpjega f’pajjiżna.
Qal, “Hi bbażata fuq erba’ prinċipji prinċipali. Qabel xejn id-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema. Jiena ġej mill-Partit Laburista u aħna ngħożżu ħafna d-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema. Li nħarsu aktar lejn retention f’dan il-pajjiż, jiġifieri li ma jkunx hemm min jaħseb li jista’ juża u jarmi lill-ħaddiem. Inħarsu wkoll lejn upskilling u reskilling tal-workforce, li għandha bħalissa biex kontinwament ninvestu fiha biex tkun workforce aħjar, ikunu ħaddiema aħjar u allura nistgħu wkoll inkunu aktar produttivi u l-aħħar punt hu li aħna nħarsu lejn skillsbased approach migration, jiġifieri barranin biss jiġu f’dan il-pajjiż f’dawk l-iskills li verament għandna bżonn.”