13-il dentist li jaħdmu fil-privat wieġbu għal sejħa ta’ interess, biex jipprovdu check-ups dentali fil-kliniċi privati tagħhom imħallsa mill-Gvern.Din hija waħda mill-inizjattivi li qed jieħu l-Ministeru għas-Saħħa biex inaqqas il-listi ta’ stennija f’dan id-Dipartiment.
Fi stqarrija ġie spjegat li fil-passat is-servizzi dentali kienu jiġu offruti kemm fl-isptar ġenerali, iżda anke fil-kura primarja, iżda b’deċiżjoni ta’ amministrazzjonijiet preċedenti, is-servizzi fil-polikliniċi twaqqfu.
B’hekk kollox sar ikkonċentrat fid-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei. Biex jiġu kkontrollati l-listi ta’ stennija li akkumulaw, fis-sajf, ħarġet sejħa għal interess, li permezz tagħha numru ta’ pazjenti sarilhom filling fi klinika privata, imħallsa mill-Gvern. Permezz ta’ din is-sejħa ta’ interess diġà saru mat-300 filling.
F’kumment li ta l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan is-servizz fil-kliniċi privati, issa se jiġi estiż għal check ups u se jibda minn Jannar.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva numru ta’ pazjenti li wħud minnhom kellhom l-appuntamenti tagħhom ġew ikkanċellati, jew li ilhom jistennew xhur twal għal check up tas-snien, issa se jkunu qegħdin jinqdew fi klinika privata u jħallas il-Gvern. Dan huwa mod ieħor kif nużaw ir-riżorsi kollha f’pajjiżna biex nagħtu servizz aħjar lill-pazjenti tagħna,” qal il-Ministru Chris Fearne.