Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela rrappreżenta l-Presidenza Maltija waqt sessjoni plenarja fi Strasburgu.
Waqt l-istess sessjoni ħadu sehem il-President tal-Parlament Ewroepw Antonio Tajani fejn ġew iffirmati tlettax-il atti leġiżlattivi Ewropej, li jinkludu r-Regolazzjonijiet li jagħtu l-possibilta lil persuni mill-Ukranja biex jivvjaġġaw f’destinazzjonijiet li huma fiż-żona Shengen mingħajr l-użu ta’ visa.
Il-President tal-Ukranja Petro Poroshenko kien preżenti għal dan l-iffirmar sabiex dan il-ftehim jidħol fis-seħħ mill-11 ta’ Ġunju 2017. Att ieħor li ġie ffirmat kien ir-regolament li bih ġew introdotta regoli fejn il-konsumaturi jħalsu l-istess prezz għar-roaming irrispettivament fejn ikunu.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Abela qal li l-missjoni tal-Unjoni Ewropea hi waħda ċara, dik li jiżguraw l-impenn tal-G7 biex iżżomm l-ekonomija globali miftuħa u l-koperazzjoni multilitterali miexja fit-triq it-tajba. Dwar it-tibdil fil-klima Abela li l-komunità globali jeħtieġ li taġixxi b’mod urġenti u timxi ‘l quddiem bl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Hu tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni fejn fakkar li r-responsabbiltà għal din il-kwistjoni hi responsabbiltà globali, fejn hemm bżonn li tinstab solluzzjoni kollettiva li tkun fuq l-istess linja tal-obligazzjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi internazzjonali.
Abela sostna li hemm bżonn aktar koperazzjoni fil-ġlieda kontra d-dħul ta’ immigranti b’mod illegali u sigriet u t-traffikar ta’ persuni dan hekk kif din hi kwistjoni li l-UE tista’ taħdem flimkien mal-imsieħba ta’ G7.
Fi Strasburgu l-Ministru tkellem waqt l-EP’s Conference of Committee sabiex jippreżenta analiżi tax-xogħol li inhu għaddej taħt il-Presidenza Maltija. Dan sabiex jiġu indikati l-kompiti għaż-żmien illi għad fadal. Għal dan kien hemm rispons pożittiv dwar l-effettività li ħalliet sa issa l-Presidenza Maltija.