L-awtoritajiet tal-kulleġġ Ġan Franġisk Abela (Junior College) wara li waslulhom rapporti li xi studenti setgħu kienu qed jagħmlu użu minn sustanzi projbiti fil-konfini tal-kulleġġ, mill-ewwel ħadu azzjoni u ġiet infurmata l-pulizija li ssejħet fuq il-post.
Jirriżulta li grupp ta’ tlett studenti ttieħed mill-pulizija għall-interrogazzjoni. Filwaqt li l-awtoritajiet tal-Junior College qed jistennew aktar informazzjoni mill-pulizija, din tista’ twassal biex jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-istudenti.
Fl-istqarrija, l-awtoritajiet tal-Junior College saħqu li huma kommessi li joffru ambjent san lil kwazi elfejn student li jagħżlu li jkomplu bl-istudju tagħhom post-sekondarju f’dan il-kulleġġ u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-ebda abbuż fl-imġieba tal-istudenti ma jiġi ttollerat. Fakkru li l-istudenti kollha li jidħlu fil-binja tal-Junior College iridu juru l-istudent card li tinħareġ mill-awtoritajiet tal-kulleġġ lil kull student reġistrat.