Minn tal-inqas tlettax-il persuna, fosthom tlett itfal, inqatlu wara li ajruplan tal-gwerra Russu, baqa’ dieħel ġo blokka t’appartamenti fil-belt Russa ta’ Yeysk.
Iż-żewġ bdoti li kienu qed isuqu l-ajruplan waqt titjira ta’ taħriġ, ħarġu qabel mal-istess ajruplan ħabat ġol-bini u kkawża nirien kbar.
Uffiċjali qalu li tmienja u sittin persuna ġew salvati min-nirien mill-blokka ta’ disa’ sulari.
Dsatax-il persuna oħra qed jingħataw il-kura għal xi ġrieħi li ġarrbu.
Qed jiġi rrappurtat li r-raġuni wara dan l-inċident hija nar li beda f’waħda mill-magni tal-ajruplan malli dan telaq minn fuq ir-runway.
Il-belt ta’ Yeysk tinsab viċin iż-żona tal-gwerra tan-naħa tal-lvant tal-Ukrajna, ftit ’il bogħod mill-belt Mariupol, li tinsab fi stat devastanti.
Dan l-aħħar kienet qed tintuża għat-taħriġ għall-avjazzjoni navvali tar-Russja.