Wara vjaġġ xejn faċli ta’ erbatax-il xahar, tlett irġiel u żewġ nisa li kienu mirkuba mill-vizzji tad-droga u l-akoħol, temmew b’suċċess l-itwal programm ta’ rijabilitazzjoni fil-pajjiż, offrut mill-Komunità Santa Marija, immexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Il-kuraġġ u r-reżiljenza li wrew tul dawn l-aħħar xhur, ġew iċċelebrati f’attività ta’ gradwazzjoni li saret fil-Jum Dinji kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga, imdawra b’nies li mxew dan il-vjaġġ magħhom, fosthom ħaddiema soċjali u l-familji tagħhom.
Dawn il-ħames persuni lestew programm terapewtiku ta’ aktar minn sena, maqsum fi tliet fażijiet, li matulu jiġu megħjuna jirkupraw fiżikament, mentalment u emozzjonalment, sa ma jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà.
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, spjega s-sinifikat ta’ din iċ-ċerimonja.
Qal, “Illum hija ċelebrazzjoni importanti għal dawn il-ħames residenti li ggradwaw mill-programm tagħna. Hija ċelebrazzjoni wkoll għall-membri tal-familja li sabu lura lill-familjari tagħhom billi ngħataw ħajja ġdida u ħa jkunu jistgħu jgawduhom hemm barra, u hija ċelebrazzjoni wkoll għall-ħaddiema u professjonisti kollha tas-Sedqa sabiex dan kollu jkun possibbli u niksbu dawn ir-riżultati.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-President ta’ Malta, George Vella, li rrikonoxxa l-irwol bla preċedent tal-professjonisti li jaħdmu ma’ dawn il-persuni tul dan il-vjaġġ xejn faċli.
Qal, “Il-vjaġġ mhux faċli. Il-vjaġġ ikun fih ħafna ħafna problemi li jridu jiġu affaċċjati u jekk dan-nies ma jsibux nies professjonali b’dak kollu li wieħed jeħtieġ biex jgħinuhom, dawn żgur ma kinux jaslu fejn waslu llum.”
Matul iċ-ċerimonja twaħħlu wkoll diversi tokens ma’ siġra fil-qalba tal-binja ta’ Komunità Santa Marija.
Is-siġra tirrappreżenta l-ħajja tal-komunità, bl-għeruq tagħha jmorru fil-fond u jagħtu l-ħajja lis-siġra, biex tkun b’saħħitha, stabbli, u tkun kapaċi tikkomunika mad-dinja ta’ madwarha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, kellu messaġġ għal dawk li b’kuraġġ u reżiljenza, lestew il-programm.
Qal, “Iħarsu lura lejn it-triq li mxew biex waslu s’hawn u llum huma ħielsa mid-droga, u jħarsu ’l quddiem lejn il-kumplament tal-ħajja tagħhom fejn ta’ kuljum iridu jibqgħu ħielsa mid-droga u vizzji oħra.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna Michael Falzon, li bħall-kelliema l-oħra, appella lill-gradwati biex dejjem iżommu f’moħħhom it-tbatija li għaddew minnha u jħalluha tixprunahom biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.