Tliet Rumeni ġew ikkundannati 54 xahar ħabs u multa ta’€10,000 kull wieħed, wara li nstabu ħatja li serqu flus minn fuq passiġġieri ta’ karozzi tal-linja.
L-akkużati; Theodor Dumitrescu ta’ 55 sena, Vasilica-Ionel Harabagiu ta’ 40 sena, u Marian Tenescu ta’ 41 sena, ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
Ir-Rumeni ġew mixlija li f’każijiet separati tul is-sajf li għadda, serqu mingħand ħames passiġġieri waqt li kienu qed jivvjaġġaw fuq tal-linja.
Huma ġew mixlija wkoll b’ħasil ta’ flus, li assoċjaw ruħhom ma’ persuni biex iwettqu reat u li kellhom għandhom ħwejjeġ misruqa.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat li s-somma ta’ aktar minn €178,000 tiġi kkonsifsata mingħand l-akkużati.
L-irġiel ma kinux jgħixu Malta u diġà kellhom każ simili fil-passat, meta fl-2018 kienu nstabu ħatja ta’ pickpocketing.
Irriżulta li l-akkużati kienu jduru diversi pajjiżi fl-Ewropa biex jisirqu, u ġew arrestati mill-Pulizija Maltija wara ħidma mal-Europol u l-Interpol.
L-azzjoni tal-Pulizija Maltija f’dan il-każ, kissret ċirku ta’ kriminalità internazzjonali.