L-Erbgħa billejl il-Pulizija arrestat tlett irġiel wara li sparaw xi tiri fuq xulxin fil-Magħtab, limiti tan-Naxxar.
Kienu għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija meta ntalbet l-assistenza fi Triq Santa Klara. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn hemmhekk innotaw xatba ta’ residenza mkissra u xi persuni fuq in-naħa ta’ ġewwa.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 41 sena residenti Ħal Qormi, allegatament saq u kisser ix-xatba b’vettura, biex, imbagħad, niżel u allegatament spara xi tiri lejn ir-residenza. Wara ħarab minn fuq il-post bl-istess vettura.
Dak il-ħin fir-residenza kien hemm żewġt irġiel u tliet nisa, li ħadd minnhom ma weġġa’.
Immedjatament wara l-Pulizija bdiet tfittxija għal vettura tat-tip Mercedes fin-Naxxar u l-persuna involuta.
Sadanittant, għal xis-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu, ir-raġel, li kien imfittex, ta lilu nnifsu lill-Pulizija wara li mar l-Għassa ta’ Ħal Qormi u ġie arrestat.
Fl-għassa hu allega li ġew sparati xi tiri fid-direzzjoni tiegħu miż-żewġt irġiel, li kienu fir-residenza msemmija, iżda hu ma weġġax.
Minn iżjed investigazzjonijiet, aktar tard mal-lejl, instabet il-vettura tar-raġel ta’ 41 sena pparkjata fi Triq il-Kosta, li kellha diversi ħsarat, kif ukoll marki kompatibbli ma’ tiri ta’ arma tan-nar.
Però meta saret tfittxija fil-vettura ma nstabet l-ebda arma tan-nar.