Raġel ta’ 32 sena mill-Mali ntbagħat tliet snin ħabs wara li ammetta li offra d-droga lil Pulizija pajżan f’San Ġiljan.
Benjamin Sanogo kien wieħed minn tlett irġiel li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt ġie arrestat waqt rondi mill-Pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech huwa ammetta li kellu fil-pussess tiegħu tletin pakkett kokaina u ħmistax-il pakkett kannabis.
Hu ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq tliet każijiet oħra.
Il-Qorti mmultatu wkoll €700 u €3,000 talli kiser il-garanziji fuq il-ħelsien mill-arrest.
Warajh il-Pulizija ressqet liż-żewġ akkużati l-oħra arrestati fejn baqgħu miżmuma arrestati wara li wieġbu mhux ħatja.
Yebio Berhe Beyen, Eriterjan ta’ 50 Sena li jgħix l-Iklin, kien arrestat wara li ntlemaħ jitkellem ma’ xi minuri u l-pulizija ġiehom suspett fih.
Waqt tfittxija fuqu l-pulizija sabulu fil-qalziet ta’ taħt il-kannabis u €150 u fi tfittxija f’daru l-pulizija sabulu wkoll miżien u boroż suspettati li jintużaw fit-traffikar tad-droga.
It-tielet akkużat kien Ceesay Alimameh, Indjan ta’ 25 sena li għandu karta tal-identità Taljana u jgħix Ħal Qormi.
Huwa wkoll kien arrestat wara li offra l-kannabis lil pulizija li nzerta pajżan.
Fuqu nstabu 25 pakkett bil-kannabis waqt li fil-qalziet ta’ taħt instabu pilloli MDMA.
Waqt l-istess sorveljanza l-pulizija waqqfet ukoll 5 persuni oħra li qegħdin jiġu investigati fuq pussess ta’ droga u immigrazzjoni.