Fi tmiem din il-ġimgħa se tittella’ ‘The End of Summer Family Festival in Aid of Dar Bjorn’ biex jinġabru fondi għat-tieni Dar Bjorn li se ssir f’Ħaż-Żebbuġ.
Id-dar li x-xogħol fuq se jibda fOttubru li ġej għandha l-għan li tilqa’ fiha aktar pazjenti li jbatu b’kundizzjonjiet newroloġiċi u toffrilhom kwalità ta’ ħajja aħjar minkejja l-kundizzjoni li jbatu minnha.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa, il-preżentatur popolari Daniel Chircop li qiegħed jorganizza dan l-avveniment flimkien mad-DJ Joseph Armani, qal li l-attività se jieħdu sehem bosta artisti lokali kif ukoll tribute acts ta’ artisti famużi bħal Spice Girls, U2 u Kylie Minogue.
Dan sabiex minbarra li jiġġeddu l-memorji ta’ dawn l-artisti, it-tfal u ż-żgħażagħ jieħdu togħma tal-mużika fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet.
Wieħed mill-organizzaturi, Daniel Chirchop stqarr li “Ħa ngibuhom hawnhekk u ħa jkunu jistgħu jaraw liema mużika konna nħobbu tant aħna. Hemm minnhom li jafu minhuma, hemm oħrajn li bilkemm semgħu bihom allura naħseb ħa tkun event sabiħa ta’ mużika barra t-talent lokali u t-tribute bands li ħa jinġiebu”.
Id-dħul għall-attività huwa b’xejn iżda in-nies huma mħeġġa jkunu ġenerużi u jagħtu donazzjoni biex Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ, tkun ikbar u aqwa minn dik li hemm f’Ħal Qormi.
Maria Formosa, mart Bjorn qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol fuq it-tieni Djar Bjorn, ħolma oħra ta’ żewġha li ma setax jattendi għal din l-attività minħabba li jinsab rikoverat l-isptar kawża tal-kundizzjoni li jbati minnha.
“Id-donazzjonjiet li ħa jidħlu minn din l-attività ħa jmorru għal Dar Bjorn it-tieni waħda, kif diġà għedna bħalissa konna qed nippreparaw biex jibdew ix-xogħlijiet fuq Dar Bjorn 2, il-flejjes huma kbar allura kull donazzjoni hija ta’ għajnuna kbira għalina”, qalet Formosa.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici qal li permezz tal-Kunsill tal-Arti, il-Gvern qed jappoġġja dan l-avveniment b’għan nobbli u tkellem dwar l-importanza li jibqgħu jittellgħu avvenimenti ta’ din is-sura għal kawża ġusta.