Turist Ingliż bl-isem ta’ Robert Lapham inżamm minn forzi Eġizzjani tas-sigurtà għal tlett ijiem sħaħ, għax ħasbu li oġġett elettroniku li kien qed iġorr kien xi forma ta’ bomba. Fil-verità, kien iPod amplifier.
Lapham irrakkonta mal-mezzi tax-xandir Ingliżi li kienu mumenti ta’ terrur qawwi, fejn beża’ li kien se jispiċċa f’idejn xi militanti.
Il-każ deher suspettuż wara li r-raġel ta’ 54 sena deffes l-amplifier f’kaxxa tal-landa, minn dawn li ġieli tixtri l-ħelu fihom.
Il-missier ta’ tliet itfal kien sejjer lura daru wara pawża ta’ ġimgħa ma’ martu, meta twaqqaf fl-ajruport Marsa Alam.