Tlett eks suldati tal-Forzi Armati Roderick Azzopardi, Aldo Simiana u Carmela Camilleri ma nstabux ħatja tal-qtil involontarju ta’ immigrant Niġerjan li fl-2011 miet fi triqtu lejn l-isptar mill-Barracks ta’ Ħal Far wara li kien ħarab
Iż-żewġt irġiel u mara kienu ttellgħu l-Qorti akkużati bit-trattament ħażin tan-Niġerjan wara li dan reġa’ ġie arrestat. In-Niġerjan kien instab mitluf minn sensih fiċ-ċella. Huwa miet b’attakk tal-qalb fit-triqtu lejn l-isptar.
Id-difiza sostniet li l-vittma miet kawża ta’ kundizzjoni medika li kellu u li naqas li jinfurmaw lill-awtorità tad-detenzjoni biha.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Consuel Scerri Herrera qalet li dan huwa każ kumpless u nnotat li saħħet in-Niġerjan ma kinitx waħda tajba. Qalet li meta kien intella’ fil-vann kien diġà mitluf minn sensih filwaqt li tenniet li l-esperti mediċi ma sabux sinjal ta’ vjolenza għajr xi girfa li ma kellha l’ebda kontribuzzjoni għal kawża tal-mewt tiegħu.
Madanakollu l-Qorti tenniet ukoll li r-raġel ma ġiex trattat b’mod xieraq u dinjituż, b’mod speċjali meta dan ittella’ fil-vann wiċċu ‘l isfel.