L-Awtorità tal-ambjent u r-riżorsi identifikat tletin żona ta’ protezzjoni ta’ msaġar u siġar. Biex b’hekk in-numru ta’ żoni ta’ siġar protetti se jiżdied għal sittin.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li matula kien spjegat x’wassal għall-Awtorità li tieħdu din id-deċiżjoni, fosthom, l-element li numru ta’ siġar qed jiġu estinti u għalhekk saru rari ħafna jew m’għandiex insibuhom kompletament. Intqal li l-protezzjoni se ssir permezz ta’ regolamenti ġodda li se jidħlu fis-seħħ b’avviż tal-Gvern.
Dawn it-tletin żona se jiżdiedu ma’ tletin żona oħra li kienu ġew identifikati fl-2011. Il-Ministru José Herrera spjega li dawn iż-żoni jikkumplimentaw l-isfida ta’ desertifikazzjoni. Fakkar li matul is-snin mal-mixja tal-progress intilfu ħafna siġar u għalhekk l-identifikazzjoni ta’ żoni bħal dawn, jgħinu biex dak li fadal jiġi protett.