Fit-18 ta’ Diċembru tal-1994, tletin sena bħal-lum, tard bil-lejl, kien seħħ l-attentat ta’ qtil b’daqqa ta’ sikkina fuq Richard Cachia Caruana ħdejn ir-residenza tiegħu fl-Imdina.
Il-Pulizija kienet akkużat, bħala l-moħħ wara r-reat, lil Meinrad Calleja, bi tpattija talli missieru, il-Brigadier Maurice Calleja, kien imġiegħel jirriżenja mill-Forzi Armati ta’ Malta sena qabel wara li hu, oħtu, Clarissa, u Joseph Fenech, magħruf bħala ‘Żeppi l-Ħafi’, kienu akkużati b’pussess u traffikar ta’ droga.
L-attentat fuq l-Assistent Personali tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien spiċċa sors ta’ kontroversja politika, anke wara li Eddie Fenech Adami kien personalment iltaqa’ bil-moħbi taħt il-pont ta’ San Ġiljan mal-‘Ħafi’, fost is-suspettati ewlenin, li indikalu lil Carmel Attard u Ian Farrugia, bħala dawk li kienu l-Imdina f’dak il-lejl ta’ tletin sena ilu.
Fl-2012, ONE News kien xandar recording fejn Richard Cachia Caruana jinstema’ jimplika wkoll fl-attentat fuq ħajtu fl-1994 lill-eks Ministru Nazzjonalista Lawrence Gatt u ibnu Etienne Gatt, li kien jiltaqa’ ma’ traffikanti u kriminali oħrajn magħrufin fl-uffiċċju tal-kostitwenza ta’ missieru.
Il-Gvern Nazzjonalista f’dawk iż-żminijiet kien għamel ħiltu kollha biex joskura r-reat u jħallih imgeżwer fis-segretezza, id-dubji u l-impunità.
Dwar dan tkellimna ma’ Glenn Bedingfield, li dak iż-żmien kien għadu ġurnalist u kien saħansitra kiteb żewġ kotba dwar il-manuvri oskuri tal-amministrazzjoni Nazzjonalista, li spjega kif dawk li llum jipprietkaw ħafna fuq is-saltna tad-dritt riedu anke jitfgħuh il-ħabs, għax kien qed joħroġ id-dettalji tal-każ.
“Kien perjodu ikrah għas-saltna tad-dritt u għal-libertà tal-espressjoni. Għaliex?! Għax dan il-każ espona kif fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien investiga hu, hu u l-kanvażers tiegħu, kien jiddetta xi jsir fl-investigazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija … allaħares xi ħaġa li tiġri llum … imbagħad, meta kien hemm verdett fil-ġuri li ma kienx għoġob lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, saħansitra ried ukoll ibiddel is-sistema tal-ġurija. Minbarra hekk kellek ukoll li ħadd ma seta’ jitkellem fuq dan, għax meta jien ktibt ktieb, għal wieħed, tnejn, fuq wieħed minnhom, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami kien ħa passi kriminali kontrija talli esponejt dak li kien qed jagħmel. U ħadd minn dawk li llum qegħdin jitkellmu fuq is-saltna tad-dritt, ħadd minn dawk li llum qegħdin jitkellmu fuq il-libertà tal-istampa, ma kien ħa l-pożizzjoni tal-ġurnalist, ma kien ħa l-pożizzjoni tas-sewwa. Kienu ħadu l-pożizzjoni tal-Gvern ta’ dak iż-żmien u kienu jiddefendu l-Gvern u l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.”
Glenn Bedingfield, Segretarju Parlamentari