Tletin ħaddiem, li jaħdmu fil-kostruzzjoni, irċivew għall-ewwel darba l-iskills card, li jfisser li l-ħiliet tagħhom ġew rikonoxxuti uffiċjalment.
Il-proċess biex ħaddiem jingħata l-iskills card beda madwar sena ilu, proġett li se jserraħ moħħ il-konsumatur li s-servizz li qed jirċievi jingħata minn persuni kkwalifikati.Fl-istess ħin ittejjeb l-istandards fl-industrija, ittejjeb il-prattiċi tas-saħħa u sigurtà u tagħti għarfien xieraq lill-ħiliet u snajja tal-ħaddiema kwalifikati.
Iċ-chairman eżekuttiv tal-Kunsill konsultattiv tal-industrija tal-kostruzzjoni, spjega li din il-card se tkun estiża għal dawk li jwaqqgħu l-bini u għall-bennejja.
Biex wieħed jingħata skills card, irid jippreżenta ċertifikat t’attendenza ta’ kors dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Jekk ma jkollux ċertifikat, wieħed jista’ japplika mal-Jobs plus biex jiġi trade tested fis-sengħa.
Hemm il-ħsieb li fi żmien ħames snin, is-snajja professjonisti kollha fis-settur tal-kostruzzjoni jkunu koperti bl-iskills card.