L-istruttura tal-binja ta’ seba’ sulari taċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali f’Raħal Ġdid hija lesta, u għaddejjin ix-xogħlijiet fuq ġewwa biex dan iċ-ċentru jkun jista’ jilqa’ l-ewwel pazjenti fiż-żmien li ġej.
Din il-binja, li se tissemma għat-tabib Ċensu Moran, hija mifruxa fuq erbgħin tomna ta’ art u x-xogħlijiet fuqha qed isiru b’investiment ta’ erbgħin miljun ewro.
Il-Project Manager, Clint Borg, spjega x-xogħlijiet maġġuri li saru fl-aħħar xhur, biex tlestiet l-istruttura tal-konkos u r-rampa fuq barra, li tagħti aċċess għal min irid jidħol fiċ-ċentru.
Ma’ dawn għaddejjin xogħlijiet oħra biex javvanza x-xogħol fuq ġewwa.
Qal, “Qiegħed jiġi ffinalizzat id-disinn tal-parkeġġ li ħa jilqa’ madwar mitejn u ħamsin karozza u wkoll għadu kif tlesta d-disinn tal-colour coding ta’ ġewwa. Bażikament kull sular ħa jkollu kulur biex jiġi identifikat min-nies li ħa jiġu biex fl-istess ħin ikun aċċessibbli għal kulħadd.”
Tkellem ukoll dwar xogħlijiet oħra li għaddejjin, bħal gypsum u servizzi elettriċi u tal-ilma.
Qal, “L-elettriku u l-plumbing għaddej ġo kull sular, il-medical gases mistennija jkunu lesti sal-aħħar ta’ dan ix-xahar u bħalissa wkoll qed jasal xi makkinarju li ħa jkun użat f’din il-binja, bħal pompi u generators li diġà qegħdin hawnhekk.”
Minn dan iċ-ċentru se jingħataw aktar minn ħamsa u għoxrin servizz mediku.
Fis-sular ta’ taħt dak li se jkun iddedikat għal operazzjonijiet minuri, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar spjegat li f’dan iċ-ċentru se jsiru trattamenti li sa issa jiġu offruti biss f’Mater Dei.
Qalet, “Hemm servizzi oħrajn li bħalissa qed jingħataw biss minn Mater Dei u ’l quddiem se jingħataw minn hawnhekk ukoll, bħal dental care, ultrasounds, teatri. Ħa jkollna livell sħiħ ta’ teatri fejn se jsiru day surgeries. Huma operazzjonijiet minuri li m’hemmx bżonn li n-nies jibqgħu l-isptar wara.”
Dan iċ-ċentru se jkopri r-residenti kollha fin-naħa t’isfel ta’ Malta, madwar mija u ħamsa u għoxrin elf persuna.
Dan mhux se jkun l-unika ċentru ta’ dan it-tip u diġà beda l-proċess dwar ieħor simili fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.
L-għan ewlieni huwa li s-servizzi jkunu aktar viċin il-pazjent fl-istess waqt li tonqos il-pressjoni mill-Isptar Mater Dei.
Qalet, “Inkunu aktar aċċessibbli għan-nies u għalhekk intejbu l-ħajja tan-nies u anki l-aċċessibbiltà għas-servizzi li jużaw huma.”