L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta lestiet l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq il-pont pedonali fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa. Dan il-proġett se jaħseb fost oħrajn għal mogħdijiet ġodda biex jgħaqqdu din il-konnessjoni ma’ żoni oħra fil-viċin.
Fi stqarrija Infrastruttura Malta qalet li l-mogħdijiet il-ġodda se jinfetħu din il-ġimgħa u se jieħdu post fejn bħalissa wieħed jaqsam it-triq, biex il-karreġġjata ta’ bejn il-bypass tal-Marsa u l-Ħamrun u Triq Aldo Moro, tinqasam.
Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, l-Inġinier Frederick Azzopardi. Huwa qalilna, “Qabel kien isir b’mod perikoluż, kienu jaqsmu mill-crash barriers allura l-ewwel fażi kien biex nagħmlu dan il-pont ta’ warajja biex għaqqadna Triq il-Ġerrejja man-naħa l-oħra tal-Marsa. Għandek it-taraġ u lifts issa biex persuna tista’ taqsam b’mod sigur. Aktar ‘l isfel se jitneħħew id-dwal tat-traffiku imma ħloqna rotta sigura. Qabel kont iddum żewġ minuti sakemm jaqleb id-dawl u tkun tista’ taqsam, issa għandek tliet minuti mixi biss.”
Azzopardi qal ukoll li fl-istess ħin se jingħalaq l-aċċess għa trejqa privata lejn in-naħa t’isfel tal-karriġġjata, li bħalissa hija ta’ periklu kbir u ta’ riskju għal xi inċident.
Dwar din sar ukoll studju ma’ Transport Malta, li minnu ħareġ kif l-aċċess għat-trejqa privata joħloq ukoll dewmien bla bżon fl-ivvjaġġar, kif ukoll tniġġis eċċessiv.
Azzopardi sostna: “Ma nistgħux nibqgħu nħallu dan il-periklu għaliex anke fil-filmati li aħna ħriġna, jidhru nies ħerġin f’nofs it-triq biex iżommu t-traffiku u trailers kbar ikunu jistgħu joħorġu b’lura għal ġot-triq. Apparti l-kwistjoni tat-traffiku qed jinħoloq periklu jemm għalihom u għal kull min juża din it-triq.”
Il-gverta tal-pont u anke t-turġien li jwasslu għalih infetħu aktar kmieni dan is-sajf, u din il-ġimgħa se jinxtegħlu l-liftijiet il-ġodda li hemm fuq kull naħa tal-istruttura. Iż-żona se tissebbaħ ukoll b’diversi siġar u arbuxelli.