B’investiment ta’ żewġ miljun u nofs ewro Infrastruttura Malta lestiet it-tieni fażi tal-proġett tal-junction il-ġdida bejn High Ridge u Pembroke.
Dan biex jonqos ir-riskju ta’ inċidenti magħrufa li jseħħu tul waħda mir-rotot prinċipali fis-sistema tat-toroq fil-pajjiż li tinkludi Triq il-Kosta u Triq Sant’Andrija.
L-aġenzija lestiet il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq Sant’Andrija, bejn is-Swieqi u Pembroke, biex din issa saret b’żewġ korsiji fuq kull naħa.
Dan il-proġett kien jinkludi ukoll il-bini mill-ġdid ta’ bankina tul Triq Sir Adrian Dingli biex ħolqot passaġġ aktar sigur lejn l-iskola sekondarja ta’ Pembroke, parti mill-Kulleġġ ta’ Santa Klara u faċilitajiet oħrajn sportivi li hemm biswit din it-triq.
Il-Perit Corinne Dimech spjegat li din it-triq sarulha barikati ġodda bejn il-korsiji opposti biex tneħħa ċertu periklu.
Hija spjegat: “It-triq ġiet iddisinjata biex tinkludi żewġ korsiji minn kull naħa. Barra minn hekk, żdiedu ukoll barrikati ċentrali biex inkomplu nvvitaw il-qsim ta’ vetturi minn naħa għal oħra.”
Il-Perit spjegat li issa il-vetturi rridu jduru mar-roundabout li tinsab f’salib it-toroq bejn Triq Sant’ Andrija u għadd ta’ toroq f’Pembroke u f’High ridge, is-Swieqi.
Hija saħqet li permezz ta’ din ir-roundabout ġiet mtejba ukoll l-aċċess għall-iskejjel u ż-żoni residenzjali li hemm f’dawn l-inħawi.
Dimech tenniet: “Il-karozzi issa jridu jibdew iduru bir-roundabout il-ġdida li tlestiet fl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li ġiet mibnija f’salib it-toroq bejn is-Swieqi u Pembroke u b’hekk tejbet ħafna l-aċċessibilità ta’ għadd ta’ skejjel.”