B’investiment ta’ €5 miljun, parzjalment iffinanzjati minn Fondi Ewropej, tlestiet fażi oħra fil-proġett tar-riġenerazzjoni u restawr ta’ Wied il-Qlejgħa, dak magħruf bħala Chadwick Lakes.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano spjegaw il-fażijiet ta’ kif inhu għaddej dan il-proġett.
Issa l-fażi li jmiss se tinvolvi t-tħammil ta’ radam li nġemma’ mal-wied matul is-snin, biex b’hekk dan il-wied jerġa’ jiġi kif kien meta nbena minn żmien l-Ingliżi u jkollu kapaċità li jżomm ilma daqs kemm kien qabel.
Intant waqt żjara fuq il-post ġie spjgat li matul is-sajf li għadda tlesliet l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett fejn sar tħammil ta’ parti kbira mill-wied u tneħħew speċi invażivi bħal gamblu tal-ilma ħelu, il-qasab u s-siġra tar-riġlu. Imbagħad matul ix-xitwa sar restwar ta’ ħitan tas-sejjieħ, twaħħil ta’ siġar ġodda, kif ukoll ir-restwar tal-kmamar li hemm f’din iż-żona tal-Fiddien, fejn se jsir ċentru edukattiv dwar il-konservazzjoni tal-ilma f’pajjiżna.
Il-Ministru Farrugia qal kif din iż-żona qed tinbidel f’waħda rikreattiva u innovattiva għall-pajjiżna, filwaqt li jkun konservat il-valur ekoloġiku tal-post. Dan se jkun qed jgħin lill-bdiewa hekk kif l-ilma konservat se jkun qed jisqi lir-raba’ tagħhom minflok jinħela u jmur fil-baħar.
Huwa qal: “Dan huwa wieħed mill-proġetti li ħa jkun qed jgħin lill-bdiewa tal-akkwati, l-istess kif għaddej ix-xogħol tan-new water biex inwassluh għal diversi lokalitajiet ferm usa madwar pajjiżna biex il-bdiewa jkunu jistgħu jgawdu mill-ilma ta’ new water b’xejn għat-tisqija tal-uċuħ tagħhom.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif f’din ir-riġenerazzjoni se jkun hemm investiment f’tisbiħ tal-pajsaġġ Malti u b’hekk jissaħħaħ il-prodott turistiku Malti wkoll.
Huwa sostna: “Hemm diversi miri għal dan il-proġett li qed jilħaq mill-att ta’ konservazzjoni u restawr ta’ strutturi storiċi li kienu qegħdin jiddeterjoraw fejn rajna interventi pożittivi ħafna.”
Min naħa tiegħu s-Sur Sapiano qal kif dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’rispett lejn is-sistema ekoloġika ta’ din iż-żona.
“Il-proġett jinvolvi riġenerazzjoni tal-wied. Ħafna drabi forsi nisimgħu l-kelma tindif però huwa restawr tal-ekoloġija tal-wied”, spjega s-Sur Sapiano.