Tlestew aktar minn sebgħin fil-mija tax-xogħlijiet mill-aġenzija Infrastructure Malta, fil-proġett infrastrutturali li għaddej bħalissa fiż-żona tat-Triq Tal-Barrani, fil-limiti ta’ Ħal Tarxien u Bulebel.
Dan tħabbar waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol fiż-żona mill-Ministru responsabbli Chris Bonett.
Inġinieri minn Infrastructure Malta spjegaw li l-ħidma issa se tkun iffokata fi Triq San Anard/Triq Gudja, li se tinbena mill-ġdid u se jkollha landscaping ġdid.
Intqal li, għal dan il-għan, se jitħabbar pjan ġdid temporanju għat-traffiku, li se jidħol fis-seħħ mit-tlieta ta’ Settembru u jibqa’ sal-bidu tas-sena skolastika.
“Il-ħsieb hu li kif jitlestu dawn iż-żewġ toroq, it-traffiku li kien ġej min-naħa ta’ Ħaż-Żabbar, jiġi ddevjat f’dawn it-toroq u joħroġ minn Tal-Barrani, minn Triq il-Ħotba. B’hekk ikun jista’ jitkompla x-xogħol fi Triq San Anard, Triq il-Gudja u wkoll Triq Tal-Barrani.”
Intqal li fl-aħħar jiem tlestew xogħlijiet tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Tarxien, li se tkun qed tinkludi korsija ddedikata għar-roti.
Fost ix-xogħlijiet hemm sistema ġdida ta’ drenaġġ, tqegħid ta’ servizzi u anke bankini.
“Qabel is-sajf konna għedna li ħa nagħmlu ċerti xogħlijiet kemm f’Tal-Barrani u anke fin-naħa tal-Monument tal-Gwerra ta’ Ħal Qormi biex, sakemm tibda l-iskola, ikollna traffic flows daqshekk aħjar, hekk kif qed nirriorganizzaw iż-żona, imma jkollna toroq aktar siguri.”