Fil-Housing Estate f’Dawret Ħal Tmiem fiż-Żejtun is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar li f’dawn l-aħħar jiem tlesta x-xogħol ta’ rinovar u manutenzjoni f’disa’ oqsma tad-djar.
Spjega kif dan sar b’investiment ta’ 175,000 ewro u kien jinvolvi rranġar tal-partijiet komuni fil-blokkok residenzjali u anki installazzjoni ta’ lifts għall-aktar aċċessibiltà.
L-Onor. Galdes li huwa responsabbli mill-housing soċjali spjega kif il-Gvern għandu l-obbligu li jagħmel dawn ix-xogħlijiet għal skop soċjali.
Spjega kif b’dawn ix-xogħlijiet li jinkludu wkoll irranġar ta’ soqfa bbenefikaw mas-60 familja.
Intqal ukoll li kien hemm tneħħija ta’ materjal tal-asbestos u xogħol għal kontra l-ilmijiet.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet Roderick Galdes sostna li din is-sena permezz tal-kumpanija Housing and Maintance Ltd. fi ħdan il-Ministeru beda xogħol bil-goff biex aktar nies ikollhom post attrezzat fejn joqogħdu.