B’ investiment ta’ erba miljun ewro, il-ġnien storiku tal-Mall fil-Furjana, li jmur lura sa żmien il-Kavallieri, sarlu xogħol estensiv kbir.
Fil-fatt, waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni li saret il-Ġimgħa filgħaxija tħabbar li fost il-ħidma li saret, iż-żewġ ġwiebi ta’ taħt il-ġnien ġew miksija u rrestawrati, sar pavimentar ġdid ta’ 7,500 metru kwadru li jkopri il-ġnien kollu u l-bankini mad-dawra tiegħu sarilhom pavimentar ġdid b’tul ta’ madwar elfejn metru kwadru.
Barra dan, sar restawr ukoll fuq il-monumenti, iċ-ċint u l-ħadid ta’ mad-dawra tal-ġnien. Sar bini mill-ġdid ukoll tal-funtana ewlenija u anki tal-iskultura tagħha. Għal aktar sigurtà twaħħlet sistema ġdida ta’ kameras, u ġie installat dawl ġdid intern fil-ġnien kollu. Saret ukoll sistema ġdida għal tisqija aħjar tas-siġar u issa sar iktar facli li wieħed jaqbad mal-internet minħabba li ġie nsallat il-WIFI fil-ġnien tal-Mall kollu.
Dwar aktar xogħlijiet li saru tkellimna mal-Perit tal-proġett Mario Bonello.
Huwa qal, “Dan huwa ġnien illi jintuża ħafna mill-pubbliku kif ukoll min-nies tal-lokal u qisu kien hemm bżonn jinqala għaliex kien hemm bżonn li jinqala għax kien għadda ħafna żmien mindu li ttranġa, mill-qiegħ, bażikament għaddejna servizzi ġodda li qed iservu biex anki nixegħlu dan il-ġnien għax kien hemm diffikultajiet biex jintuża għax kien mudlam, għamilna pavimentar ġdid bil-ġebel tal-qawwi, ġibnih minn Għawdex, u ftaħnih billi baxxejna anki ftit il-perimeter ta’ dan il-ġnien jitgawda anki minn barra”
Filwaqt li rringrazzja lill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li kienet responsabbli minn dan il-proġett, is-sindku Furjaniz Vince Borg qal li bħala kunsill jinsab kburi li l-Mall issa jista jitgawda min kulħadd. Kompla biex qal li l-Furjaniżi huma kburin ferm b’dan il-ġnien u tenna l-importanza li dejjem jinżamm fl-istat li jixraqlu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li bħala entità qed iħarsu ’l quddiem biex ikomplu jżidu proġetti oħra f’diversi lokalitajiet. Proġetti li qed jitwettqu b’konformità mal-linja tal-gvern, dik li jżid u jagħti lura fi stat li jixraq, żoni pubbliċi lill-pubbliku.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega wkoll li x-xogħol kollu fil-Mall, sar wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali u l-Furjaniżi, li għalihom dan il-ġnien huwa ikona tal-lokalità.
Huwa tenna li issa il-Mall se jkun jista jitgawda aħjar minn kulħadd u fil-ġranet li ġejjin se jgħaddi taħt il-ħarsien ta’ Ambjent Malta.
Il-Ministru tenna, “Ix-xogħol li sar f’dan il-ġnien imiss mal-erba miljun ewro ta’ investiment, proġett ħolqa minn proġetti oħrajn illi jmissu miegħu, għandek Pjazza Tritoni, għandek il-Biskuttin, għandek Ġnien Laparelli, illi flimkien jagħmlu medda kbira ta’ post, fejn il-familji, il-furjaniżi, it-turisti iżuru, jistgħu jimxu b’mod rilassat, b’mod sigur u allura jgawdu dawn iż-żoni pedonali li għandna, dawn il-ġonna illi għandna.”