Wara tliet xhur ta’ konsultazzjoni pubblika, f’konferenza tal-aħbarijiet ġew imfissra t-tibdiliet li se jkunu qed isiru għall-abbozz tal-Avviż Legali li bih se jiġi introdott il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li għall-konsultazzjoni pubblika kien hemm rispons b’saħħtu, u li l-opinjonijiet li ngħataw waqt dak il-proċess ġew ikkunsidrati f’dan il-qafas legali.
Qal li din il-bidla hija meħtieġa għal aktar serjetà u għal kwalità ogħla f’dan is-settur importanti għal pajjiżna. Sostna li b’din il-liċenzja l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni se jkollha lista ta’ nies li jistgħu jaħdmu f’dan is-settur.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li issa l-avviż legali jrid jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, wara li din il-liċenzja tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea.
Wara l-konkorrenza b’saħħitha li kien hemm fil-konsultazzjoni pubblika, il-Ministru qal li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni se tagħmel numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni biex jiġi spjegat lin-nies fis-settur kif se titħaddem din il-liċenzja.
“Għandna wkoll tisħiħ ta’ pjan ta’ aktar iniżjattivi li fil-ġejjieni jridu jkomplu nagħmlu biex insaħħu s-settur fil-mod kif jiġi regolat, biex ikollna aktar responsabbilita, aktar serjeta u kwalita ogħla.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat, tkellem dwar it-tibdil li se jseħħ permezz ta’ dan l-avviż legali.
Dan l-avviż legali jgħid li l-Kumitat għal-Liċenzjar tal-Industrija tal-Kostruzzjoni se jkun magħmul minn ħames membri, li tnejn minnhom iridu jkunu perit u inġinier li għandhom warrant. It-tnejn li huma jridu jkunu ilhom pprattikaw il-professjoni għal mill-anqas għaxar snin.
L-età minima tal-applikanti għal dawk il-kuntratturi li se jiksbu l-liċenzja se tkun 21 sena, filwaqt li għandu jkollhom reputazzjoni u kondotta tajba u qagħda finanzjarja xierqa.
Ġie spjegat li l-avviż legali jgħid li kull min ikollu l-liċenzja jrid jassigura li kull xogħol ikun kopert b’polza tal-assigurazzjoni valida li tagħmel tajjeb għal kwalunkwe telf jew ħsara waqt li jkunu qed isiru dawn ix-xogħlijiet.
Se jkun qed jiżdied il-poter tal-Qorti li tordna s-sospensjoni jew ir-revoka ta’ liċenzja f’każ ta’ ħtija ta’ reat kontra r-regolamenti.
Permezz ta’ dan l-avviz legali se jiġu introdotti kategoriji differenti ta’ liċenzjar tal-kuntratturi skont kemm għandhom impjegati.
“Fhimna xi jridu, fhimna s-settur ukoll, fhimna lin-nies li joqgħodu ħdejn il-binjiet u sejrin lejn liċenzjar tat-twaqqigħ u bini biex tal-inqas fuq kull lant tax-xogħol ikun hemm xi ħadd responsabbli li jieħu ħsieb.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat