Sebgħin fil-mija tax-xogħlijiet infrastrutturali tal-proġett ta’ Triq Sant’Andrija, fis-Swieqi, huma lesti.
F’aġġornament lill-midja fl-uffiċini ta’ Infrastructure Malta, ingħataw dettalji dwar ix-xogħlijiet, li tlestew s’issa, u l-ħidma ppjanata għall-ġimgħat li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, qal li, fil-ġimgħat li ġejjin, mistennija jibdew jinfetħu partijiet tal-proġett għas-sewwieqa, wara li fl-aħħar ġimgħat sar xogħol ta’ mogħdija ta’ servizzi, tqegħid ta’ pajpijiet tal-ilma u sistemi għall-ġbir tal-ilma tax-xita.
Kompla għaddej ukoll it-tqegħid ta’ walk-through culverts biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona.
Qal, “Meta tagħmel diversion daqsxejn massiva, kif seħħ xi tliet ġimgħat ilu, dejjem se jkun hemm dawk il-ftit jiem ta’ diffikultà sakemm in-nies jidraw. Illum nistgħu ngħidu li l-area ndrat u għax sibna koperazzjoni kemm tal-pubbliku, kemm tar-residenti u stakeholders oħrajn, bħall-Kunsill Lokali, stajna nagħtu aktar areas lill-kuntratturi biex jaħdmu fihom.”
Fil-jiem li ġejjin se jitkompla x-xogħol t’asfalt, jitpoġġew il-crash barriers u jiġu installati sistemi ġodda ta’ dwal tat-traffiku, kemm għall-vetturi u għal min juża t-triq bil-mixi jew bir-rota.
Qal, “Il-fażi li jmiss se tara ammont ta’ asfalt, l-areas jiġu covered bl-asfalt, li hi l-aħħar fażi, ikunu saru ħafna xogħlijiet preparatorji ta’ servizzi, culverts, sistema tal-ilma, imbagħad nibdew naraw il-crash barriers biex inkunu nistgħu nwasslu l-proġett għat-tkomplija tiegħu.”
Dan il-proġett hu investiment ieħor maġġuri tal-aġenzija biex tiġi indirizzata l-isfida tat-traffiku fl-inħawi u jinvolvi xogħlijiet infrastrutturali mill-qiegħ. Fit-triq se jitħawlu mijiet ta’ siġar u arbuxelli.
Il-proġett, li mistenni jkun lest sa Frar li ġej, isegwi r-roundabout ġdida f’salib it-toroq bejn Triq Sant’Andrija u f’High Ridge fis-Swieqi stess.