Il-ħidma fuq il-proġett il-ġdid ta’ respite u servizzi tranżitorji għall-persuni b’diżabilità f’Ħal Kirkop issa waslet fl-aħħar fażi tagħha, hekk kif ix-xogħlijiet ta’ finishing issa qed jitlestew. S’issa tlesta madwar 70% tal-proġett.
Dan il-proġett, li qed jitmexxa minn Aġenzija Sapport b’investiment ta’ €1.4 miljun, għandu l-għan li jipprovdi mhux biss sapport temporanju iżda wkoll għajnuna u t-taħriġ meħtieġ biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità, b’mod dinjituż u skont il-ħiliet tagħhom.
Dan il-proġett se joffri servizzi tranżitorji għal persuni b’diżabilità li jkunu qed jagħmlu passi lejn għajxien indipendenti.
Żaret dan il-proġett il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia.
“Respite huwa importanti biex ikollna spalla għal dawk il-ġenituri li jew għandhom bżonn intervent mediku jew inkella għaddejjin minn burnout jew inkella għandom bżonn ta’ safar jew xogħol barra l-pajjiż u jkollhom persuna, tifel jew tifla b’diżabbilita u ma jkollhomx min jagħtihom daqqa ta’ id respite huwa kruċjali kien hemm nuqqas anke ta’ binjiet simili fin-naħa t’isfel ta’ Malta u allura din se tkun l-ewwel investiment tal-Gvern Malti biex f’Ħal Kirkop ikollna dan il-proġett ta’ respite.”
Il-Kap Eżeukuttiv tal-Agenzija Sapport Oliver Scicluna spjega fiex waslu x-xogħolijiet ta’ dan il-proġett.
“Dan il-proġett issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu, qed naraw il-proġett jingħalaq anke strutturalment, it-tqiegħid tal-madum u affarijiet oħra, fiż-żmien li ġej se jkun qed jiġi mgħammar b’lift għal tal-apposta u jingħalaq bħala proġett.”
Aġenzija Sapport qed tippjana li din il-binja tkun lesta biex tibda tilqa’ l-ewwel persuni b’diżabilità sal-ewwel nofs ta’ din is-sena, hekk kif il-preparamenti finali jinsabu fl-aħħar stadji.
Preżenti kien hemm is-Sindku tal-lokalità Matthew Agius Zammit.