Iltaqa’ għall-ewwel darba l-iGaming Council – Kunsill maħtur biex jidentifika l-isfidi fis-settur tal-gaming u jiddiskuti azzjonijiet konkreti biex dawn l-isfidi jiġu megħluba.
L-ewwel laqgħa saret fil-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet. Il-Kunsill se jibda’ jiltaqa’ kull xahrejn, u fi ħdanu jiġbor kumpaniji ewlenin tal-iGaming f’pajjiżna, flimkien mal-Gaming Malta, u l-Awtorità Maltija għal-Logħob.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Gaming Malta, Ivan Filletti, spjega r-rwol li l-Gaming Malta għandha fi ħdan dan il-Kunsill.
“Fit-termini ta’ Kunsill, se tikkordina, tixpruna soluzzjonijiet u tifhem iżjed il-problemi u l-opportunitajiet li għandhom kumpaniji tal-Gaming f’Malta b’mod iktar strutturat biex wieħed isib iżjed soluzzjonijiet.“
Il-Kunsill huwa mmexxi mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri. Il-Ministru spjega li l-viżjoni tal-Gvern hi li tkompli tikber l-ekosistema tal-industrija tal-iGaming f’pajjiżna, u dan il-Kunsill se jara li l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżna f’dan is-settur tibqa’ attraenti.
“Flimkien ma’ dawn l-operaturi li jħaddmu l-aqwa mħuħ ta’ pajjiżna, naraw li nkabbru s-settur mhux biss fl-attività marbuta mal-igaming, imma wkoll fi branches oħra li nistgħu niftħu: video game development, e-sport, attivitajiet imħaddma fuq il-blockchain relatati ma’ din l-industrija, u attività oħra li tkompli ssaħħaħ l-ekosistema ta’ pajjiżna”
Il-Ministru faħħar il-komunikazzjoni diretta mal-industrija; punt li tkellem dwaru wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-grupp Bettson. Dan huwa wieħed mill-akbar gruppi tal-logħob tad-dinja, li ilu fil-qalba tad-divertiment għal aktar minn ħames deċennji.
“I think it’s important that the industry has direct and frank dialogue with the people in power. It’s good that there is an opportunity for us to raise concerns about the industry.“