‘Tkunx iebes miegħek innifsek!’ Hekk stqarret Sylvana Attard, omm ta’ tifel transesswali u li bħalissa qiegħda toffri li taqsam l-esperjenza tagħha ma’ nies li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili.
Attard qed tagħmel dan fuq stand bl-isem ta’ ‘Librerija Umana’, li ttella’ mill-Partit Laburista biswit il-Funtana tat-Tritoni fl-okkażjoni tal-EuroPride 2023, bil-għan li jwassal messaġġi favur l-inklużjoni, id-diversità u, fuq kollox, l-imħabba.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Attard qalet li llum irrealizzat li t-tifla li welldet, kieku baqgħet fl-istess ġeneru tagħha, kienet se tkun tifla mdejqa ħafna u li meta tara l-bidla f’dak li llum sar binha tħossha fil-paċi u kuntenta tarah jgħix il-ħajja bil-ġeneru li hu komdu fih u li jagħmlu persuna feliċi.
Għal dawk li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili bħal tagħha, Sylvana kellha messaġġ wieħed.
“Jien nħobb ngħid frażi, don’t be harsh on yourself. Għax it-tfal tagħna jgħaddu minn proċess diffiċli ħafna, imma anke l-ġenituri jgħaddu minn proċess twil u iebes. Fil-bidu, forsi se jkun naqra iebes, imma eventwalment jekk inti timxi pass pass u tfittex l-għajnuna tasal ukoll.”
Min-naħa tagħha, Oriana Farrugia, li hi rappreżentanta tal-Partit Laburista fil-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ+, stqarret li matul l-aħħar ħamsin sena l-Partit Laburista għamel riformi kbar fejn jidħlu d-drittijiet umani.
“Aħna qegħdin hawnhekk biex inwieġbu dwar kull mistoqsijiet li jkollhom in-nies. Ovvjament, bħala Equality Labour u Partit Laburista, li kiseb tant drittijiet fl-aħħar ħamsin sena, qegħdin hawnhekk biex nwieġbu l-mistoqsijiet.”
L-istand fil-Pride Village f’Putirjal se jibqa’ miftuħ matul tmiem il-ġimgħa kollu.