It-tanker tal-gass. Hekk biss tisma’ bħalissa fuq l-aħbarijiet, fit-toroq, għand tal-grocer u s-sabiħa hi li issa kulħadd sar espert, saru inginiera marittimi, professuri tal-kimika, periti u nsomma…kulħadd jgħid tiegħu. Hekk sa nagħmel jien ukoll, naqsam ħsibijieti magħkom.
Noqgħod Birżebbuga u nixtieq li kieku l-bajja ma jkolliex bastimenti kbar tal-merkanżija, jew tal-fuel jew dredgers – nippreferiha kwieta u kalma. Trabbejt f’din il-lokalità u prattikament drajt nara vapuri kbar deħlin fil-port biex iħottu kemm kontejners kif ukoll żjut. Rajt il-bajja tinbidel, sfortunatament għall-agħar. Drajt ukoll l-impjant tal-Enemalta f’nofs ir-residenti, il-bombli tal-gass li kien hemm fil-Qajjenza u anki ċ-ċumnija tal-power station faċċata tiegħi b’xi shaba sewda hierga minnha!
Nammetti li ma kontx entużjast meta tħabbar li kien se jkun hemm bastiment wieqaf fil-port bħala FSU tal-gass. Madankollu, waqaft naħseb ftit fuq dan il-proġett u fejn irridu naslu bħala pajjiż. Nitlaq b’dak li huwa l-għan aħħari – ċioe li pajjiżna jibda jiġġenera l-enerġija permezz tal-gass, b’arja aktar nadifa. L-għan huwa ġust u naqbel miegħu mija fil-mija!
Issa, kif se naslu għalih? Pipeline tal-gass m’għandniex. Kien hemm opportunità li jkollna, iżda l-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien rema’ din l-possibilita’ barra mit-tieqa. Allura bqajna niddependu mill-infrastruttura tal-HFO u t-tankers taż-żejt.
Waqt il-kampanja elettorali l-Partit Laburista wiegħed li se jiġġenera l-elettriku bl-użu tal-gass. Fin-nuqqas t’infrastruttura adekwata għall-pipeline, u fid-dawl taż-żmien twil li proġett simili jieħu biex jitlesta, il-Gvern iddeċieda li jagħmel FSU fejn il-gass ikun merfugħ fih u li minnu jissuplixxi l-powerstation. Il-pjan huwa li eventwalment dan il-vapur FSU jitneħħa la darba l-pipeline jkun installat.
Nafu li ma jistax ikollok kollox fid-dinja. L-għażliet għall-Gvern kienu tnejn: jew nibqgħu nużaw il-HFO (bit-tniġġiż kollu li jġib miegħu) fil-powerstation, inkella nagħmlu l-qalba għall-gass fi ftit snin permezz tal-FSU li eventwalment ikun eliminat la darba jkollna l-pipeline. Meta rajt il-pjanijiet, ma stajtx ma naqbilx mad-deċiżjoni tal-Gvern.
Nappella lill-oppożizzjoni Nazzjonalista biex ma tkunx drammatika fi kliemha, u taqta’ dan is-sensazzjonaliżmu żejjed.
FSU’s tal-gass ma jinstabx biss Malta. Tankers li jittrasportaw il-gass hawn diversi madwar id-dinja. Is-safety records tagħhom huma fost l-aħjar u ninsab konvint li l-konverżjoni ta’ dan il-vapur, li ġie ċċertifikat minn kumpaniji rinomati u rispettati fil-qasam tal-ispezzjonijiet, saret bir-reqqa. Dan ma jfissirx li ma fihx periklu, iżda mhux kollox għandu r-riskji tiegħu? Iż-żejt mhux ukoll jista jaqbad jekk jiġri xi haġa hażina? Għalhekk għandu jkollna fiduċja fl-awtoritajiet u ma nitfgħux tajn li jista’ jtappan ħidmiethom.
Dan huwa proġett nazzjonali li se jgawdi minnu l-poplu kollu. Il-qalba għall-gass hija inevitabbli u importanti li ssir. Jekk verament l-oppożizzjoni temmen li l-qalba għall-gass hija ta’ ġid għall-poplu Malti u Għawdxi, mela allura għandha tingħaqad mal-Gvern sabiex ikollna arja aktar nadifa u ambjent ahjar.