Din is-sena rajna ħafna inċidenti serji u anke fatali fuq it-toroq tagħna. Minkejja l-kampanji favur sewqan mingħajr periklu, video clips edukattivi u testijiet tas-sewqan aktar stretti, is-sitwazzjoni tidher li minflok titjib, aktar sejra għal agħar.
“X’hemm ħażin fis-sewqan tagħna? X’hemm bżonn nagħmlu biex nilħqu livell ta’ sewqan aħjar?”
Dawn huma domandi li kiteb fi stqarrija Francis Valletta, General Manager ta’ waħda mill-iktar kumpaniji tal-assigurazzjoni stabbiliti hawn Malta.
Jgħid li m’hemmx tweġiba għall-ebda waħda minn dawn il-mistoqsijiet u jissuspetta li mhux ħafna jistgħu jwieġbuhom. Li hemm bżonn hu li wieħed jaħseb sew u b’mod kritiku biex forsi nitgħallmu minn pajjiżi oħra u nikkupjaw inizjattivi li qed jiġu addottati hemmhekk.
“L-iSmartphones bidlulna ħajjitna għall-aħjar f’ħafna affarijiet iżda mhux fejn jidħol is-sewqan. Il-pulizija tar-Renju Unit għadhom kif bdew esperiment biex irażżnu sewwieqa li jużaw il-mobile waqt li jsuqu. Filwaqt li għal din l-offiża l-multi u l-penalty points irduppjaw, l-uffiċjali tal-pulizija jużaw vannijiet pajżana, helmet cams u vetturi b’seats għoljin biex jissorveljaw lis-sewwieqa. L-għan tagħhom hu li l-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan isir soċjalment inaċċettabbli daqs sewqan xurban,” qal is-Sur Valletta.
Il-kliem essenzjali hawnhekk hu ‘soċjalment inaċċettabbli’. F’Malta, bħal fir-Renju Unit, hu illegali li ssuq meta tkun xurban, iżda l-livelli tal-infurzar tal-liġi ma tistax tqabbilhom. L-aktar li jħasseb lill-kumpanija GasanMamo Insurance hu li sfortunatament ħafna lanqas biss japprezzaw
il-bżonn ta’ tolleranza żero għal min isuq xurban.
“Meta toħroġ filgħaxija għal xi festin jew tieġ, ħadd ma jagħti kas kemm qed jixrob għax jrid isuq. Agħar minn hekk, lanqas ħadd ma jirrimarka fuq dan. Ħafna jemmnu li l-limitu ta’ xorb permess hu strett aktar milli jmissu jkun u li fir-realtá wieħed jista’ jsuq mingħajr periklu anke jekk ikun qabeż il-limitu bi ftit. F’kull studju li qatt sar dan ġie pruvat totalment skorrett. Irridu nibdew naċċettaw li min jixrob u jsuq huwa irresponsabbli. Dan huwa totalment inaċċettabbli u m’għandiex noqogħdu nlaqalqu u nistħu meta niġu wiċċ imb wiċċ ma’ din
is-sitwazzjoni,” qal is-Sur Valletta.
Qal li l-kumpanija tirrikonoxxi li l-użu tas-smartphone/mowbajls waqt is-sewqan u sewqan xurban mhumiex l-uniċi kaġuni tal-inċidenti. Ħafna aktar inċidenti milli naħsbu, jseħħu minħabba traskuraġni, indifferenza u nuqqas ta’ rispett għal min qed juża t-triq magħna. Kieku mhux hekk, għalfejn xi sewwieqa jibblukkjaw it-traffiku bid-double parking, isuqu bil-mod fil-korsija ta’ barra u jġiegħlu lil sewwieqa oħrajn jaqbżuhom minn fuq in-naħa ta’ ġewwa, jew ma jagħtux preċedenza liċ-ċiklisti u persuni mixjin, ma jagħtux kas ta’ sinjali biex tieqaf jew iċċedi, ikomplu jsuqu meta d-dawl huwa aħmar, ma jużawx l-indicators u jagħmlu manuvri illegali bħal U turns jew isuqu wrong way? Xi wħud ipoġġu l-konvenjenza u l-kumdità tagħhom qabel kollox u huma kompletament insensittivi li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu ta’ periklu għal ħaddieħor u xi kultant anke għalihom stess. Milli jidher l-ebda ammont ta’ kampanji favur sewqan sew u messaġġi edukattivi ma jaħdmu, għax l-attitudni tibqa’ ma tinbidilx. Allura x’se nagħmlu? Ħafna minnkom hawnhekk qed jagħjtu “infurzar aħjar”.
“Infurzar hi kelma sabiħa;” jgħid is-Sur Valletta, “iġġegħelna naħsbu f’uffiċjali tal-pulizija u wardens tat-traffiku ġentlom, b’manjieri tajba, sodi iżda ddixxiplinati li jagħlqu għajn waħda għal xi żbalji żgħar iżda bla ħniena mal-bullies jew ma’ min joffendi apposta. Nistgħu ndumu noħolmu għax kulħadd jaf li dan hu ferm ‘il bogħod mir-realtà. Sakemm ma jkollniex infurzar kif suppost, li jkun hemm għal kulħadd u jkun jidher li qed isir ma’ kulħadd, ftit hemm ċans li l-attitudni tan-nies tinbidel.
Hemm bżonn li jkollna n-numru ta’ uffiċjali mistħoqq, li jkollhom it-tagħmir kollu li għandhom bżonn u aktar importanti li jkollhom it-taħriġ meħtieġ. Jista’ jkun li għandna bżonn nerġgħu nikkunsidraw is-sentenzi mogħtija mill-Qorti għal sewqan illegali. L-idea tad-demerit point system fuq il-liċenzja żgur hija eċċellenti u tista’ tkun deterrent. Idea oħra hi li min jikser il-liġi jattendi lezzjonijiet apposta ta’ sewqan sew (kif jiġri ġo Flensburg fil-Ġermanja ta’ Fuq) jew inkella jkun irid jattendi kors speċjalizzat tas-sewqan u jerġa’ jgħaddi minn test ieħor biex ikun jista’ jerġa’ jieħu lura l-liċenzja sospiża (kif jiġri fl-Olanda),” kompla s-Sur Valletta.
U xi ngħidu għall-ispeeding? Dan hu wieħed mill-aktar kaġuni ta’ inċidenti. Is-Sur Valletta kkummenta li xi ħadd, forsi biex jiċċajta, qallu li peres li dan l-aħħar qed inqattgħu ħafna ħin ġo traffiku bumper-to-bumper, meta nsibu triq vojta niżvugaw il-frustrazzjoni kontra t-traffiku bl-overspeeding. “Jekk dan hux minnu jew le ma nistgħax ngħid, pero bħal ħafna minnkom rajt sewwieqa għaddejjin min-naħa għall-oħra tat-triq b’veloċità liema bħala u mhux kollha kienu sewwieqa żgħażagħ ġo karozzi armati.” L-ispeed cameras ma jgħinux? “Dażgur li jgħinu, imma kollha kemm aħna naraw karozzi jnaqqsu l-veloċità meta jaslu fejn il-camera u kif jgħadduha jerġgħu jtellgħu l-ispeed. Għandna bżonn miżuri oħra iżda l-aktar li hemm bżonn hu li l-attitudni tas-sewwieqa tinbidel u nibdew insuqu sew.”
Kollox negattiv? Is-Sur Valletta jikkonċedi li mhux kollox negattiv. “Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li għandna toroq aħjar, immarkati aħjar, żdiedu t-traffic lights u t-test tas-sewqan qed jirriżulta f’sewwieq aħjar minn ta’ qabel. Dak li veru għandna bżonn hu bidla fil-mentalita’, li napprezzaw il-perikli u r-riskji li jinvolvi fih is-sewqan.
Hu fundamentali li nibdew inġibu ruħna ta’ adulti responsabbli u mhux qisna tfal eċitati li qed nilagħbu b’xi ġugarell ġdid li qlajna,” ikkonkluda.