Matul il-jum tal-Ġimgħa kompliet tinstema’ x-xhieda ta’ Vincent Muscat, magħruf bħala l-“Koħħu”, fil-ġuri dwar l-omiċidji ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015.
Fil-ġuri, ippresedut mill-Imħallef Edwina Grima, jinsabu akkużati Jamie Vella u Robert Agius, magħruf bħala tal-“Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio “ċ-Ċiniż”.
Muscat, li ngħata maħfra Presidenzjali dwar il-qtil tal-Avukat Chircop, spjega kif l-ewwel laqgħa li kellu mal-akkużati fuq il-qtil tal-istess avukat kienet f’Settembru tal-2015 fil-Marsa fejn kien jiffrekwenta ta’ kuljum. L-aħwa Agius kienu preżenti biex jiddiskutu kif se jeħilsu mill-Avukat Chircop.
Huma offrew €20,000 lill-“Koħħu” u qalulu li miegħu u maċ-“Ċiniż”, kien se jissieħeb ukoll Jamie Vella biex jgħinhom fil-pjan.
Mistoqsi fuq il-mottiv ta’ dan il-qtil, Muscat wieġeb li Adrian Agius kellu problema mal-Avukat Chircop fuq €800,000, li kien siliflu u fuq villa, li għandu wieħed mill-aħwa tal-“Maksar”.
Muscat kompla li, fil-bidu, ma kinux jafu dwar il-garage ta’ Birkirkara fejn eventwalment inqatel l-avukat Karkariż. Minflok, iffokaw l-attenzjoni fuq l-uffiċċju ta’ Chircop fil-Belt.
Semma kif darba minnhom hu u Adrian Agius marru wara Chircop u martu, waqt li kienu qed jieklu f’restorant fil-Birgu, u darb’oħra f’kafetterija fin-Naxxar biex jieħdu idea tal-movimenti tiegħu.
Chircop kellu Mercedes antika, li ma rawhiex ipparkjata qrib id-dar tiegħu f’Birkirkara u dan wassalhom jaħsbu li kellu garaxx.
Skont Muscat, kienu Robert Agius u George Degiorgio li rnexxielhom isibu l-garaxx ta’ Chircop meta kienu qed isegwu l-passi tiegħu.
Mistoqsi fuq il-pjan tar-reat, il-“Koħħu” spjega kif hu, Jamie Vella u George Degiorgio qamu kmieni u marru għal karozza misruqa li kienet tinżamm f’garaxx f’Santa Venera. Wara dan, telqu biha u marru fejn il-garaxx ta’ Chircop f’Birkirkara u baqgħu jistennewh jitfaċċa, waqt li għattew wiċċhom.
X’ħin Chircop tfaċċa, Vella sparalu b’revolver aktar minn darba, għax hu kellu l-guts jispara. Wara l-qtil, huma ħarbu bil-karozza lura fil-garaxx ta’ Santa Venera u Degiorgio u Vella ħbew l-arma f’post qrib.
Wara dan, Muscat saq lit-tlieta li huma fl-appartament ta’ Vella, li jinsab ftit ’il bogħod, fejn bidlu l-ħwejjeġ u ramewhom f’borża taż-żibel ħdejn l-iskola ta’ Santa Venera.