F’Ottubru, ir-rata ta’ inflazzjoni niżlet għal kważi erbgħa fil-mija, minn kważi ħamsa fil-mija, ix-xahar ta’ qabel. Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Jirriżulta li, f’Ottubru li għadda, ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna kienet ta’ erbgħa punt tnejn fil-mija, waqt li f’Settembru kienet ta’ kważi ħamsa fil-mija.
Meta tqabbel ir-rata ta’ inflazzjoni lokali x-xahar li għadda ma’ Ottubru tas-sena l-oħra, din naqset b’aktar minn tlieta fil-mija fis-sena.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li, minkejja li Malta naqset fir-rata tal-inflazzjoni, kien hemm pajjiżi oħrajn li kellhom tnaqqis akbar, partikolarment għax l-għoli tal-ħajja issa qed jaffettwa iżjed l-esportazzjoni tal-ikel.
Mill-bidu tas-sena l-oħra, meta bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, il-Gvern Malti beda jissussidja l-prezzijiet tal-elettriku u l-fuels, li baqgħu stabbli. Dan is-sussidju mill-Gvern ta’ Robert Abela mistenni jkompli b’din il-politika din is-sena u s-sena d-dieħla, tant li fil-baġit li għadu kemm tħabbar ġew allokati tliet mija u ħamsin miljun ewro oħra.