Il-Parlament Ewropew intalab biex iħaffef l-investigazzjonijiet dwar l-aħħar skandlu, imsejjaħ Russiagate, li feġġ taħt imnieħer il-President ta’ din l-istituzzjoni Ewropea, Roberta Metsola.
Fl-aħħar ġimgħat ħareġ li r-Russja allegatament kienet qed tinfluwenza u xxaħħam deputati tal-Parlament Ewropew biex imexxu l-propaganda favur ir-Russja qabel fis-27 stat membru jseħħu l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
Wara kundanni u sejħiet simili li saru, il-Partit tal-Ħodor fil-Parlament Ewoprew appella fi stqarrija pubblika biex l-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom dik immexxija mill-Ewroparlamentri Nazzjonalista Roberta Metsola, ma jorqdux quddiem dan l-iskandlu.
Il-Parlament Ewropew, qed jiġi akkużat li ppermetta lil grupp ta’ psewdo-ġurnalisti biex jinfiltraw fi ħdanu u joperaw b’impunità kontra l-politika Ewropea. L-iskandlu feġġ meta l-Gvern tar-Repubblika Ċeka ssanzjona sit suppost tal-aħbarijiet, imsejjaħ Voice of Europe, minħabba li qal li hu parti minn operazzjoni ta’ influwenza favur ir-Russja.
Il-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo wkoll qal li r-Russja avviċinat lil numru ta’ deputati tal-Parlament Ewropew u ħallsithom biex jippromwovu l-propaganda Russa.
L-istqarrija tal-Partit tal-Ħodor qalet kif, l-għada li ġie kkonfermat dan l-iskandlu, kelliema ta’ Roberta Metsola kienet qalet li se tħares lejn dawn l-allegazzjonijiet. Iżda jidher li minn dakhinar ma ġara xejn.
L-istess partit talab impenn b’saħħtu minn Metsola biex “tħaffef l-investigazzjoni u biex taqsam l-informazzjoni kollha possibbli, mingħajr ma ssir ħsara lill-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.”
Dawn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ Parlamentari u ndħil barrani fl-affarijiet interni tal-Unjoni Ewropea jsegwu dawk li feġġew inqas minn sentejn ilu, bl-involviment tal-Qatar, li baqa’ magħruf bħala Qatargate.
Hawnhekk Metsola wkoll issemmiet diversi drabi, inkluż meta l-akkużata ewlenija, id-deputata Griega Eva Kaili, li kienet ukoll il-Viċi President ta’ Metsola, instabet fil-pussess ta’ kwantitajiet ta’ flus kontanti fl-appartament tagħha.