Tkompli tiżdied il-pressjoni fuq l-Istati Uniti biex truppi Amerikani ma jevakwawx għalissa mill-Afganistan li llum il-ġurnata hija ta’ taħt il-kontroll tat-Taliban.
L-Amerikani mistennija jevakwaw sal-wieħed u tletin t’Awwissu iżda pajjiżi fosthom Franza, ir-Renju Unit u l-Ġermanja qanqlu l-idea li jħallu aktar ħin jgħaddi qabel ma jitilqu għal kollox.
Huwa mifhum li fl-24 siegħa li ġejjin, il-President Amerikan Joe Biden mistenni jieħu deċiżjoni jekk jestendix dan il-perjodu fejn t-truppi jibqgħu fl-Afganistan.
Kelliem għat-Taliban qal lill-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet BBC, li kull estensjoni ta’ dan il-perjodu ta’ evakwazzjoni jkun qed jikser il-ftehim li laħqu u saħansitra wissa li jkun hemm konsegwenzi jekk truppi Amerikani jibqgħu fl-art Afgana.
Eluf ta’ nies diġà ġew evakwati mill-kapitali, Kabul iżda hemm diversi nies li baqgħu ħdejn l-ajruport li huwa ssorveljat mill-forzi Amerikani u l-alleati tagħhom.