Ġiet inawgurata l-Independent Living Hub tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-FITA, li timmarka pass importanti biex tissaħħaħ l-inklużjoni diġitali għall-persuni b’diżabilità.
Dan il-proġett huwa l-frott ta’ kollaborazzjonijiet permezz ta’ MOU ffirmat mal-Università ta’ Swansea, il-Malta-Wales Initiative, fornituri lokali u internazzjonali, l-Association for Active Ageing, u Aġenzija Support.
L-Independent Living Hub se jipprovdi lill-persuni b’diżabilità aċċess għal teknoloġija essenzjali u appoġġ, li jippermettilhom jgħixu ħajja aktar indipendenti. Dan il-hub huwa xhieda tat-tisħiħ tal-inklużjoni diġitali f’Malta u l-ħtieġa għal soluzzjonijiet prattiċi u aċċessibbli għal dawk li jiffaċċjaw sfidi fid-dinja diġitali.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, enfasizza l-importanza tal-investiment tal-gvern f’dan is-settur fejn saħaq, li fi żmien sentejn u nofs biss, l-allokazzjoni tal-budget tal-FITA żdied minn €600,000 għal €1.5 miljun.
Min-naħa tiegħu, Carlo Stivala, Kap Eżekuttiv ta’ FITA, qal li l-ftuħ tal-Independent Living Hub jirrifletti l-impenn ta’ FITA biex tgħin lill-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja aktar indipendenti permezz tat-teknoloġija.
Din l-inawgurazzjoni tirrappreżenta pass ieħor fil-missjoni ta’ FITA biex tippromwovi aċċess ugwali għall-opportunitajiet diġitali għal kulħadd, billi tiżgura li t-teknoloġija tkun pont għall-indipendenza, impjieg u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà għal dawk li l-aktar li jeħtieġuha.