Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, laqa’ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għal-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tal-Moldova, Nicu Popescu.
Huma ddiskutew diversi temi fosthom il-gwerra fl-Ukrajna u l-applikazzjoni tal-Moldova biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija li taw lill-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa ta’ bejniethom, iż-żewġ Ministri ħabbru li f’pajjiżna illum ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi – il-MEDAC – u l-Istitut Diplomatiku fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u għall-Integrazzjoni tal-Moldova.
Il-Ministru Ian Borg innota l-impenn tal-Gvern tal-Moldova sabiex jagħmel ir-riformi meħtieġa sabiex, meta jkun il-waqt, il-pajjiż jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru tal-Moldova semma r-relazzjonijiet tajbin li hemm bejn Malta u l-Moldova, kemm bilateralment kif ukoll fil-fora internazzjonali. Huwa qal li hemm lok biex dawn ir-rabtiet ikomplu jintensifikaw.