Il-Ġimgħa waranofshinar kompla jinstema’ l-każ fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degorgio u Vince Muscat, li huma l-allegat eżekuturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’xhieda qasira li ta Melvin Theuma quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qal li huwa kien imbeżża’ ħafna minn Yorgen Fenech għax kien imħasseb li jagħmillu xi ħaġa. Theuma qal li darba Fenech tah flixkun inbid, iżda hu spiċċa ramih għax ħaseb li kien bil-velenu.
Din ma kinitx l-ewwel darba li l-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia rema xi ħaġa li kien tah Fenech bħala rigal, għax dejjem kien bil-ħsieb f’moħħu li għamillu l-velenu.
Fuq il-pedana tax-xhieda Theuma qal li xahrejn qabel arrestawh il-Pulizija, is-suspettat mandant fil-qtil kien tah biljett għal Franza iżda fl-aħħar ġurnata iddeċieda li mhux sejjer għax beża’ li jagħmillu xi ħaġa, inkluż “jitfgħu taħt xi karozza.” Hawnekk spjega li l-biljett imbagħad kien inqaleb fuq isem Marlene Fenech, mart Yorgen Fenech.
B’ton batut u ta’ rabja Theuma żvela li darba minnhom kien se jaqbeż minn fuq il-bejt ta’ daru, iżda quddiem għajnejh ġab lil Yorgen Fenech sieq fuq sieq, sigarett f’ħalqu u ħieles. Għalhekk ma kompliex b’dan il-ħsieb.
Għal xi mumenti fil-Qorti nqala’ diżgwid bejn l-Prosekuzzjoni u l-Avukati Difensuri minħabba disa’ recordings li ma setgħux jiġu aċċessati u li għalihom ma hemmx transkrizzjoni.
Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Avukat Difensur daħlu fil-kamra tal-Ġurati sabiex jisimgħu u jikkonfermaw xi recording li ma setax jiġi mxandar fil-Qorti.
Għal dan kollu l-Avukati Difensuri talbu biex issir traskrizzjoni ta’ dawn ir-recordings u għalhekk il-Maġistrat issospendiet is-seduta.