Bojan Cmelik, is-serb ta’ 35 sena akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti, kienu ilhu f’pajjiżna sa’ minn Ġunju tas-sena 2016, u matul dawn is-sentejn qatt ma’ kien reġistrat ma’ Jobs+. Jiġifieri jekk huwa ħadem f’pajjiżna, dan għamlu b’mod illegali.
Dan ħareġ fil-Qorti mix-xhieda tal-Ispettur Frankie Sammut stazzjonat fit-taqsima tal-Immigrazzjoni, u s-Sur Joe Saliba minn Jobs+, meta l-Ġimgħa filgħodu kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-akkużat.
Is-seduta kellha tispiċċa ħesrem hekk kif fuq il-pedana tax-xhieda, tela’ Noel Falzon, li jiġi r-raġel ta’ oħt Hugo u li kien imexxi għadd ta’ stabbilimenti ta’ Hugo. Waqt li kienet se tibda ħierġa x-xhieda minn fommu, qabad jgħajjar lill-akkużat, li ntqal li tal-aħħar beda jitbissem. Bl-unika xhieda li laħaq ta, kienet li kien iħaddem lil ħu Cmelik f’wieħed mill-istabbilimenti.
Il-qiegħa tant kemm saħnet li kellhom jintervjenu l-Uffiċjali tas-Sigurtà mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li kull seduta jkunu armati sa’ snienhom fl-awla, fejn ħarġu lil Falzon ‘il barra, filwaqt li żammew lill-akkużat f’postu.
Kienet il-Maġistrat Marsanne Farrugia li ordnat li x-xhud jinħareġ mill-awla, filwaqt li widbet lill-akkużat sabiex ma’ jibqax jitbissem tul il-kors tal-proċeduri legali, inkella l-każ ikompli jinstema mingħajr il-preżenza tiegħu.
Fost ix-xhieda oħra, il-Ġimgħa filgħodu xehed ukoll l-Ispettur Robinson Mifsud mill-Interpol, li kkonferma kif skont l-Interpol ta’ Belgrade fis-Serbia, Cmelik huwa magħruf sew mal-Pulizija fuq każi ta’ serq, frodi, u li kkawża ġrieħi serji fuq persuni. Xehdu wkoll il-Kuntistabbli Wayne Briffa, u l-Ispettur Lara Butters, li taw rendikont ta’ dak li ġara fil-lejl tas-6 ta’ Lulju li għadda meta ġie aggredit il-vittma.
Il-Kumpilazzjoni ġiet aġġornata għax-xahar id-dieħel. Il-prosekuzzjoni b’rabta ma’ dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Nikolai Sant.