Fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Yorgen Fenech fejn xehed fost oħrajn Francis Sant li dakinhar ra l-isplużjoni quddiem għajnejh. Huwa spjega kif dakinhar kien qed isuq il-karozza tiegħu u waqt li kien tiela’ t-tela’ tal-Bidnija lemaħ karozza ġejja minn faċċata tiegħu.
Spjega kif din il-karozza kienet żgħira u bajda. Qal li f’daqqa waħda lemaħ il-karozza tnaqqas mill-veloċità u tieqaf. Irrakkonta kif induna li kienet għaddejja xi ħaġa mhux f’postha fil-karozza. Stqarr li f’daqqa waħda sema’ bomba li ma kinitx kbira u sema’ twerżiqa kbira. Qal li f’daqqa waħda seħħet splużjoni oħra kbira u mal-isplużjoni l-karozza niżlet b’veloċità kbira ‘l isfel. Qal li l-karozza għaddiet minn quddiemu madwar tliet metri ‘l bogħod minnu u baqgħet dieħla ġo ħajt baxx u dritt għal ġol-għalqa. Stqarr li kif ħareġ mill-karozza ra d-demm u biċċiet ta’ ġisem ta’ bniedem fl-għalqa. Irrakkonta kif ma seta’ jagħmel xejn. Qal kif ftit wara ġiet mara b’karozza u sabitu b’xokk u din ċemplet lill-pulizija. Qal li ftit wara wasal bin Daphne Caruana Galizia.
Xehed ukoll Mario Vella li dakinhar kien involut fl-argument ma’ bin Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia. pjega kif dakinhar kien qiegħed f’ħanut tal-għodda u ċemplitlu t-tifla minħabba li joqgħod ftit ‘il fuq minn fejn saret l-isplużjoni. Qal li kellu razzett hemmhekk u għalhekk mar minnufih. Spjega li kif wasal ra karozza taqbad. Niżel iktar ‘l isfel u raġel ieħor hemmhekk għarfu li kien hemm in-nies maqbuda fil-karozza. Spjega kif ċempel lil ħutu biex ma jgħaddux minn dik it-triq. Qal li kif għamel it-telefonati huwa daħal fil-karozza. Spjega li huwa ħabib tal-familja tal-vittma u allura kif ġie binha għarfu mill-ewwel għaliex jafu żgħir. Qal li hekk kif beda jgħid li kien hemm xi ritratti huwa tah il-mobile lill-pulizija, li ma sab l-ebda ritratti. Spjega kif huwa tah lil Matthew Caruana Galizia biex jiċċekja hu stess u dan sabtu mal-art. Qal li wara huwa mar fejnu u hemmhekk ġew ftit fl-idejn meta staqsieh għaliex kissirlu l-mobile. Fl-awla huwa tenna li huwa ma kienx ħa ritratti, iżda llum il-mobile imkisser qiegħed fil-pussess tal-pulizija. Huwa qal li qatt ma ttieħdu passi għaliex anke missier Matthew Caruana Galizia kien offrielu li jħallaslu l-mobile li tkisser fl-argument.
Xehed ukoll l-Ispettur Antoine Cilia mir-Rapid Intervention Unit li spjega kif ċertu ‘Vella’ kien involut fl-inċident ma bin il-vittma dwar il-mobile. Stqarr li dan kien kissirulu għaliex qal li kien ħa xi ritratti tax-xena tad-delitt. Huwa spjega kif kien ra ammont ta’ partijiet tal-karozza u partijiet umani mferxin fl-għalqa.
Fl-istess seduta xehdu wkoll numru ta’ uffiċjali oħra tal-pulizija li lkoll irrakkontaw dak li raw hekk kif waslu fuq ix-xena tar-reat dakinhar.
Fosthom kien hemm Mario Farrugia li dak iż-żmien kien stazzjonat l-RIU. Dan spjega kif dakinhar ftit wara li seħħet l-isplużjoni ħareġ vann u ħadlu d-dettalji li mbagħad għaddihom lill-ispettur. Huwa spjega kif jidher li l-persuni ġo fih kienu xi ħaddiema ta’ għalqa fil-qrib. Spjega kif dan il-vann ħareġ minn sqaq ftit ‘l isfel minn fejn ġara l-każ, fejn kien hemm il-‘police tape’. Stqarr li fil-vann kien hemm affarijiet relatati max-xogħol tal-biedja.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Ispettur Kurt Zahra li minħabba deċiżjoni preċedenti tal-Qorti x-xhieda tiegħu kienet ta’ natura kunfidenzjali u għalhekk instemgħet wara bibien magħluqa.