Kompla jinstema’ l-każ fil-konfront ta’ Kevin Micallef, li jinsab mixli li nhar it-tlieta u għoxrin ta’ Lulju li għadda qatel lil ommu u lil zitu fil-Għargħur.
L-espert tal-qorti Joseph Mallia ħa l-marki tas-swaba’ tal-akkużat u wara ppreżentahom lill-Maġistrat Monica Vella.
Is-seduta kompliet bix-xhieda tas-Surġent Antonio Bellizzi mill-RIU li ddeskrieva x-xena li sabu ma’ wiċċhom il-pulizija hekk kif marru fid-dar tal-akkużat dakinhar tar-reat.
Qal li kif fetaħ il-bieb, sab lill-akkużat bi ħwejġu mimlijja titjir tad-demm. Qal li hawnhekk l-akkużat għolla jdejh ‘il fuq u ma lissinx kelma. Dan filwaqt li kkopera mal-pulizija waqt l-arrest u ma ħabbathomx. Is-Surġent kompla jirrakonta kif waqt li żewġ pulizija arrestaw lill-akkużat huwa daħal fid-dar fejn sab lil waħda mill-vittmi mejta u l-oħra li kienet għadha tieħu n-nifs. Kien hawn li ħareġ barra biex jgħajjat għall-ambulanza fuq ir-radju filwaqt li pulizija ieħor beda jipprova jwaqqaf id-demm tal-vittma b’xugaman biex jagħtiha l-ewwel għajnuna.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli fl-10 ta’ Ottubru li ġej.