Fil-Qorti llum qed tkompli tinstema’ l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem tliet imħallfin; l-Imħallef Michael Mallia li qed imexxi din l-inkjesta, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
Illum qed jixhdu membri tal-familja Caruana Galizia fejn l-ewwel li xehed kien Paul Caruana Galizia, bin Daphne Caruana Galizia.
9:35: Paul Caruana Galizia semma lil Yorgen Fenech li kien implika lil Keith Schembri. Caruana Galizia rrefera għal ittra li allegatament għadda Schembri lil Fenech permezz tat-tabib Adrian Vella meta Fenech kien arrestat u qed jiġi interrogat.
9:41: Fuq il-pedana tax-xhieda, Paul Caruana Galizia allega li numru ta’ persuni kienu jafu bl-arrest imminenti tan-negozjant Yorgen Fenech. Fost dawn semma lin-negozjant Johann Cremona li jaf sew lil Fenech. Fix-xhieda tiegħu, Caruana Galizia semma wkoll lil Keith Schembri, lil pulizija Kenneth Camilleri u anki lill-ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri.
Fil-fatt fl-aħħar jiem ġie żvelat li Camilleri kien il-ġurnalist li allegatament għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech lejliet li dan prova jaħrab minn Malta. Ġie rappurtat li l-pulizija rat isem Ivan Camilleri f’messaġġi fuq Whatsapp bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech.
9:42: Paul Caruana Galizia semma wkoll lil Frank Psaila, il-kandidat għall-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Psaila, wieħed mill-favoriti tal-Kap Adrian Delia wkoll ġie allegat li kien jaf bl-arrest ta’ Yorgen Fenech. Issemma wkoll kif Tumas Group kien jagħti s-sostenn lill-programm ta’ Psaila fuq NET TV, ‘Iswed fuq l-Abjad’. Fuq sit lokali, Psaila ddefenda dan u qal li kien waqaf ir-reklam ma’ Tumas Group iżda nesa jneħħi dan.
9:43: Bin Daphne Caruana Galizia semma lil Glenn Bedingfield u Josef Caruana li bil-kitbiet tagħhom semmew kemm il-darba lil ommu.
9:45: Il-President tal-inkjesta pubblika, l-Imħallef Michael Mallia staqsa lix-xhud, Paul Caruana Galizia jekk qatt kellmux lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit dwar il-protezzjoni lil ommu mill-pulizija. Hawnhekk ix-xhud wieġeb li qatt ma għamel dan imma saħaq li ommu kellha relazzjoni tajba mal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ qabel, John Rizzo.
9:50: Paul Caruana Galizia semma wkoll it-tliet persuni mixlija li huma l-eżekuturi fil-qtil ta’ ommu. Huwa qal li meta allegatament Yorgen Fenech mar għand il-middleman Melvin Theuma biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia, Fenech mal-ewwel semma lill-aħwa Degiorgio.
“Fenech saqsa għal George Degiorgio iċ-Ċiniż ma saqsiex lil Theuma jekk jafx lil xi ħadd”, qal Caruana Galizia. Huwa qal li dawn il-persuni akkużati bil-qtil ta’ ommu kienu persuni magħrufa mal-pulizija. Kienu nies qiegħda iżda kellhom karozzi lussużi u kienu jsiefru lejn Monaco.
10:00: Issa kien imiss jibda jixhed Andrew Caruana Galizia, bin ukoll Daphne Caruana Galizia. Huwa rrefera għal roadblock li kien sar fiż-żona fejn toqgħod Caruana Galizia u li dan wassal biex l-allegat eżekuturi ma wettqux il-pjan tagħhom qabel.
10:02: Andrew Caruana Galizia kompla ma’ dak li qal ħuh u fakkar kif Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ ommu mal-ewwel staqsa għaċ-‘Ċiniż’ meta mar ikellem lil ‘middleman’ Melvin Theuma. Fix-xhieda tiegħu, Caruana Galizia qal li dan ħareġ ċar mix-xhieda li ta Melvin Theuma stess.
10:05: Andrew Caruana Galizia rrefera għal meta ommu ġiet arrestata fil-jum tal-elezzjoni ġenerali tal-2013. Huwa qal li ommu rreżistiet l-arrest u allega li jekk il-Partit Laburista kien se jiġi elett, ommu kienet se ssofri.
10:20: Huwa qal li ommu tilfet l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista meta Adrian Delia laħaq Kap. Qal li l-Partit Nazzjonalista tefa’ l-ħtija fuqha għat-telfa tal-elezzjoni ġenerali tal-2017.
10:24: Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino rrimarka li l-inkjesta pubblika trid tibbaża ruħha fuq fatti u l-ipoteżi mressqa quddiemha se jiġu kkunsidrati.
10:26: Kien imiss issa li tixhed oħt Daphne Caruana Galizia. Corinne Vella qalet li oħtha kellha laqgħa ma’ raġel li jmexxi l-kumpanija Henley & Partners. Hija allegat li dan ir-raġel hedded lil oħtha li jrid jsiekkitha. B’hekk allegatament semmielha li jista’ jiftħilha libell permezz ta’ kumpanija Ingliża.
10:40: Corinne Vella allegat li darba oħtha semmietilha li qed tissuspetta lil Keith Schembri kien involut f’ħasil ta’ flus u li fetaħ aktar minn kumpanija waħda għal dan l-iskop.
10:45: Vella tkellmet ukoll dwar kif kienu jirreferu għal oħtha bħala ‘saħħara’ u li kienet ixxerred il-mibegħda.
10:57: Oħt Daphne Caruana Galizia semmiet numru ta’ persuni li għandhom jiġu mistoqsija dwar il-qtil. Filwaqt li semmiet persuni bħal Kurt Farrugia li kien l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, semmiet ukoll lil Josef Caruana u lil Glenn Bedingfield li kienu jiktbu wkoll fuq oħtha. Skont oħt Caruana Galizia, Bedingfield xerred il-mibegħda.
11:32: Intemmet ix-xhieda tal-inkjesta pubblika, bil-President tal-inkjesta, l-Imħallef Emeritu Michael Mallia jgħid li fis-seduta li jmiss għandhom jixhdu l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u Peter Paul Zammit. Għandu jixhed ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. L-inkjesta pubblika għandha tkompli tinstema’ fis-7 ta’ Jannar li ġej fis-2pm.