Kulma jmur qiegħda tikber il-pressjoni fuq Adrian Delia biex iwarrab minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni. Dan minħabba n-nuqqas ta’ kredibbilità li għandu mal-elettorat Malti u Għawdxi.
Fl-aħħar jiem, Delia reġa’ beda jkun fil-mira tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil. Dan wara stħarriġ tal-fehma pubblika ppubblikat il-Ħadd fil-gazzetta MaltaToday li wera li l-Partit Laburista għadu jgawdi l-fiduċja assoluta tal-elettorat Malti. Min-naħa l-oħra, ħareġ li l-Partit Nazzjonalista m’għamel l-ebda avvanz ’il quddiem fil-fiduċja li jgawdi mal-elettorat.
L-attakk fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qiegħed jissokta kuljum fuq il-midja tal-Knisja minn persuni li għandhom rabta fil-qrib mal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Il-midja tal-Knisja qalet li tkellmet ma’ bosta deputati fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li b’mod anonimu ddikjaraw li l-Maltin u l-Għawdxin ma jridux jafu b’Adrian Delia.
Deputat Nazzjonalista pprova jċekken il-fatt li n-nuqqas ta’ fiduċja f’Delia hija riżultat tal-qasma u l-firda li teżisti fil-Partit Nazzjonalista. Huwa żied jgħid li hemm faxxa kbira ta’ Nazzjonalisti li ma tantx għandhom fiduċja fih. Żied jgħid li l-attakki li kienet għamlet fuqu Daphne Caruana Galizia ferewh sew.
Daphne Caruana Galizia kienet allegat li Adrian Delia daħħal flus f’kont f’bankarju f’Jersey li ġejjin mill-prostituzzjoni f’Soho. Dwar dawn l-allegazzjonijiet Delia baqa’ qatt ma talab inkjesta maġisterjali u f’anqas minn 24 siegħa mill-qtil ta’ Caruana Galizia, Delia rtira ħames libelli li fetħilha dwar dawn l-allegazzjonijiet serji.
Deputat ieħor Nazzjonalista qal li l-membri parlamentari Nazzjonalisti jinsabu frustrati. Sentiment li kien espress ukoll waqt il-laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista li saret is-Sibt li għadda li matulha bosta deputati Nazzjonalisti qrib Busuttil, fosthom Claudio Grech u Beppe Fenech Adami attakkaw b’saħħa lil Delia ftit wara li beda jindirizza lill-grupp parlamentari.
Intant fl-aħħar sigħat, il-midja tal-Knisja li bosta jqisuha bħala l-vuċi tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, ikkwotat lil-lukandier u negozjant Winston J Zahra jgħid lil Delia biex iwarrab.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Zahra ħareġ fil-beraħ jappoġġja b’qawwa lil Simon Busuttil dak iż-żmien kap tal-Partit Nazzjonalista. Dakinhar Zahra ħeġġeġ pubblikament lill-votanti Maltin u Għawdxin biex jivvotaw lil Busuttil fit-tmexxija tal-pajjiż iżda issa qal t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista taħt Adrian Delia falliet bil-kbir għax m’għandiex il-fiduċja tal-elettorat u għalhekk għandha twarrab