Il-Vatikan ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jinvestiga l-kontroversja li hemm madwar il-Kavallieri ta’ Malta, f’każ li jikkonċerna l-condoms.
Il-kap tal-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann, Fra Matthew Festing, li jiġi l-Gran Mastru tal-Ordni, qal li jopponi l-investigazzjoni tal-Vatikan, għax timmina s-sovrenità tal-Ordni. Qal li jinsab inkwetat immens fuq il-kunflitt mal-Vatikan, u li l-Kavallieri mhux se jikkoperaw fejn tidħol investigazzjoni fuq l-affarijiet interni tal-Ordni.
Fra Matthew spjega li tlieta mill-ħames membri investigati minn kumitat appuntat mill-Papa Franġisku kienu involtu f’fond li kien suġġett ta’ investigazzjoni interna, li eskalat meta kien imkeċċi l-kanċillier tal-Ordni, Albrecht von Boeselager. Il-Kavallieri jaraw dak l-inħdil bħala kunflitt ta’ interess, filwaqt li l-Vatikan malajr wieġeb jgħid li jemmen fil-kumitat tiegħu, u li se jirrifjuta kull attentat li jkunu skreditati l-membri f’dan il-kumitat.
Von Boeselager huwa akkużat li qassam ħafna condoms f’Myanmar, permezz ta’ organizazzjoni li tagħmel il-karità u li taqa’ taħt l-Ordni ta’ Malta. Dan meta l-Knisja Kattolika tipprojbixxi l-użu ta’ kontraċettivi.
Fi twissija ċara oħra lill-Kavallieri, il-Vatikan sejjaħ għal koperazjoni sħiħa mal-kumitat investigattiv. Għalkemm l-Ordni hija istituzzjoni Kattolika, li twiegħed lealtà lejn il-Papa, hija wkoll entità sovrana għaliha, f’għajnejn il-liġi internazzjonali.