Il-Pulizija fi Franza kkonfermat li l-akkwist il-ġdid ta’ Cardiff City Emiliano Sala kien abbord l-ajruplan żgħir li sparixxa fil-baħar bejn ir-Renju Unit u Franza. L-ajruplan telaq minn Nantes u kien fi triqtu lejn il-Kapitali ta’ Wales.
L-attakkant Arġentin kien għadu kif iffirma mat-tim tal-futbol ta’ Cardiff matul tmiem il-ġimgħa li għadda.
Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta filgħodu, il-klabb qal li jinsab mħasseb bl-aħbar li ajruplan żgħir sparixxa fil-baħar bejn Franza u r-Renju Unit.
L-awtortajiet qalu li l-ajruplan sparixxa min fuq ir-radar viċin il-gżira ta’ Alderney fiċ-Channel Islands.
Mal-ewwel skattat operazzjoni tas-salvataġġ, bir-Renju Unit jibgħat żewġ ħelikopters biex jgħinu fit-tfitxxija minkejja li ż-żona mhiex parti miż-żona ta’ salvataġġ tar-Renju Unit.
Sala kien qed jirritorna lura lejn ir-Renju Unit biex jibda t-taħriġ tiegħu ma’ Cardiff City wara li qatta tmiem il-ġimgħa f’Nantes biex isellem lil sħabu tat-tim li kien għadu kif ħalla.