Il-Ġnus Maqgħuda wissiet dwar nuqqas serju ta’ provvisti mediċi hekk kif it-tfittxija għal persuni maqbudin taħt it-tifrik tkompli fil-Myanmar.
Aktar minn 1,600 persuna tilfu ħajjithom u eluf oħra sfaw midruba fil-Myanmar wara terremot kbir ta’ 7.7 nhar il-Ġimgħa li nħass ukoll fil-pajjiżi ġirien.
F’Bangkok, tilfu ħajjithom 12-il persuna hekk kif inqabdu taħt it-tifrik ta’ bini għoli, li kien għadu qed jinbena.
Iżda jista’ jkun hemm xi ftit tama għal xi wħud minn dawk li qed jistennew, hekk kif mara f’Mandalay instabet ħajja wara 30 siegħa.
Gruppi ta’ għajnuna jibżgħu li l-għajnuna mhix qed tasal fl-agħar postijiet milquta. Huwa stmat li 20 miljun ruħ jgħixu fiż-żoni milquta mit-terremot fil-Myanmar.
Toroq bil-ħsara, netwerks ta’ komunikazzjoni ħżiena u gwerra ċivili li ilha ta’ erba’ snin kollha qed ixekklu l-isforzi ta’ tfittxija u salvataġġ.