L-Awstralja mhux se tkun taf ir-riżultat tal-elezzjoni federali tagħha għal jiem sħaħ hekk kif mistenni jkompli l-għadd. Dan hekk kif id-distanza bejn il-partiti jidher li se tkun waħda żgħira ħafna.
12 minn 150 siġġu fil-Parlament għadhom dubjużi, bl-għadd tal-voti mistenni jkompli t-Tlieta li ġej.
Il-Kummissjoni Elettorali Awstraljana, il-Partit Laburista għandu 71 siġġu u l-koalizzjoni Liberali Nazzjonali għandha 66 siġġu. Il-partiti indipendenti u dawk żgħar ġabu għadd ta’ voti li ma kinux mistennija.
Il-Prim Ministru Awstraljan Malcolm Turnbull qal li stenna li jikseb 76 siġġu li għandu bżonn biex jifforma amministrazzjoni ġdida. Il-voti postali mistennija jiffavorixxi lill-kandidati tiegħu.
Għadd ta’ analisti oħra qed jgħidu li l-ebda partit mhu se jkun qed iġib il-maġġoranza assoluta. F’dan il-każ, kemm Turnbull u anke l-Mexxej Laburista Bill Shorten se jkollhom iċ-ċans li jiffurmaw Gvern ġdid billi jilħqu qbil ma’ kandidati indipendenti u partiti żgħir.