Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Francesco Fenech ta’ wieħed u għoxin sena u Lorin Scicluna ta’ tnejn u għoxrin sena mixlija bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane fis-6 ta’ April li għadda.
Wara li saru l-ezamijiet kollha mill-pulizija, il-Maġistrat Farrugia rrilaxxa għad-difna l-katavru ta’ Souleymane li nqatel intortament b’tir f’rasu waqt li kien mixi fi Triq tal-Ġebel f’Ħal Far.
Fenech u Scicluna qegħdin jiġu mixlija wkoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Ibrahim Bah mill-Guinea u Mohammed Jallaw mill-Gambja.
Fil-Qorti xehed b’diffikulta kbira, Obrahima Bah mill-Ginea, li safa fil-mira taż-żewġ akkużati.
Irrakkonta li dakinhar tad-delitt mar jara logħba football f’ħanut f’Birżebbuġia. Qal li għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, flimien ma’ sieħbu Mohammed qabdu t-triq bil-mixi lejn Ħal Far fejn joqogħdu.
Xehed li waqt li kienu mexjin semgħu tliet tiri, għalkemm ma ħasbux li kienet arma tan-nar. Qal li għalkemm għall-bidu ħasbuhom murtali tal-festa, ħin minnhom għaddiet karozza bajda minn ħdejhom li ġiet minn warajhom u sema’ xi tiri. Qal li ħass li ntlaqat fil-warrani u minkejja li dar u ħares lejn il-karozza, ma rax il-persuni fil-karozza.
Bah irrakonta kif hu u sieħbu bdew jiġru u daħal f’għalqa. Hawnhekk ċempel lil sieħbu u qallu biex iċċempel lil pulizija għax sparaw fuqu. Minn hawn ittieħed l-isptar u għamel ġimagħtejn jingħata l-kura.
Mitlub mitlub iħares lejn l-akkużati, Bah qal li jagħrafhomx.
Bah li ilu tmien xhur Malta qal li ġie f’pajjiżna għax talbu sieħbu li qallu li Malta hu pajjiż sigur u n-nies huma tajbin u m’hawnx razziżmu.
Il-kuntistabbli Sven Sammut xehed li Lorin għamel siegħa jitħaddet mal-avukat u deputat nazzjonalista Jason Azzopardi qabel ġie interrogat.
Irrakonta li Scicluna flimkien mal-pulizija u Azzopardi marru f’diversi postijiet fosthom f’ħanut tal-pastizzi f’Attard fejn kien jaħdem u Raħal Ġdid.
Scicluna ħa lill-pulizija f’dawn il-postijiet għax fil-bidu tal-interrogazzjoni beda jgħid li silef il-karozza li ntużat fid-delitt lil raġel Libjan.
Izda hemmhekk Lorin beda jibki u Jason Azzopardi beda jgħidlu biex jgħid il-verità.
Scicluna ħadhom ukoll Dellimara qrib fortizza fejn qal li tefa’ xi munizzjoni l-baħar.
Wara reġgħu marru d-depot, b’Lorin beda jgħid lill-pulizija li ma kienx hu li spara.
Il-kuntistabbli Markus Cachia xehed li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li l-vettura ġiet modifikata biex tingħarafx tant li żdiedu xi faxex suwed u twaħħlulha xi stickers//