Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Roderick Cassar, mixli li fit-22 ta’ Novembru 2022, qatel lil martu Bernice Cassar.
Dr Martin Bajada, speċjalist tal-IT xehed dwar l-informazzjoni miksuba mill-mobiles ta’ Bernice u Roderick Cassar dakinhar li seħħ l-allegat qtil.
Bajada xehed li nġabru l-filmati kollha minn kameras tas-sigurtà f’Kordin, il-post fejn seħħ id-delitt, u anki fil-Qrendi, fil-post fejn tard billejl kien arrestat l-allegat aggressur. Dan filwaqt li filmati oħra ġew elevati mill-bodycams tal-Pulizija li dakinhar marru jassistu fuq il-każ.
B’kollox Bajada ppreżenta erba’ u erbgħin minuta ta’ filmati lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.
Il-Maġistrat stqarr li provi dwar il-bidu tal-proċeduri fis-separazzjoni bejn Bernice u Roderick Cassar riedu jittellgħu fil-bidu tal-proċeduri f’dan il-każ, u mhux issa, fid-dawl li x-xhieda ewlenin waslu fil-final.
Il-każ ġie aġġornat għall-1 ta’ Awwissu li ġej.