It-Tlieta filgħodu ssoktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Josette Vella Schembri li tinsab mixlija b’ħasil ta’ flus bejn l-elfejn u tmienja u l-elfejn u għoxrin. Dan wara li allegatament naqset milli tosserva d-doveri kollha tagħha bħala direttur ta’ kumpanija. Mart Keith Schembri qed tiċħad l-akkużi.
L-ispettur Leanne Bonello ppreżentat evidenza li tkkonsisti f’ tranżazzjonijiet ta’ ċekkijiet mingħand Keith Schembri, missieru Alfio Schembri u Kasco Group depożitati f’kontijiet konġunti. Mistoqsija dwar dawn il-kontijiet, is-Sinjura Vella Schembri qalet li kien jieħu ħsiebhom żewġha.
Intqal ukoll li kumpanija li tappartjeni lil Vella Schembri, rat eluf ta’ flus trasferiti minnha lil Adrian Hillman, eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspaper.
L-Ispettur qalet li meta Vella Schembri ġiet murija għadd ta’ invoices meta tat l-istqarrija, qalet li m’għandha l-ebda emails jew dokumentazzjoni oħra marbuta magħhom, u li m’għandhiex aċċess għas-sistema bankarja tal-kumpanija.