Waqt li kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galiziza, l-Ispettur Keith Arnaud xehed li l-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għall-mobile tal-ex chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li wkoll qed jiġi investigat dwar dan l-omiċidju.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur Arnaud xehed li meta marru biex jarrestaw lil Schembri fis-26 ta’ Novembru, il-pulizija talbitu l-mobile, iżda Schembri qalilhom li tilfu.
Qal li fit-tfittxijiet li saru ġabrulu t-tagħmir teknoloġiku kollu, inkluż ta’ wliedu. Xehed li l-uffiċċju li kellu f’Kastilja ġie ssiġillat u saret tfittxija mit-Taqsima tal-Forensika u tal-Iskwdra Kontra Reati Ekonomiċi.
L-Ispettur Arnaud qal li l-pulizija għarrfet lill-Prim Ministru li Schembri ssemma’ fl-investigazzjonijiet, dakinhar li ġie arrestat.
Żied li l-investigazzjonijiet fuq Schembri għadhom għaddejjin, fosthom dwar l-omiċidju ta’ Caruana Galizia, dwar il-leaks mill-pulizija u l-impjieg ta’ Melvin Theuma.
Innota li l-midja ħolqot problemi kbar meta ħarġet isem Melvin Theuma, il-middleman li ngħata l-proklama biex jikxef dak kollu li jaf dwar dan l-omiċidju.
Qal li meta ħareġ l-isem, instabet konverżazzjoni bejn Fenech u zijuh Ray Fenech fejn bagħatlu link tal-intervista tal-Prim Ministru jitkellem dwar il-proklama lil Theuma. Mal-link intbagħtu xi ritratti ta’ xi sajjetti jew beraq.
F’din il-konverzazzjoni Fenech jgħid lil zijuh li ried jaħrab/ Qallu li sema’ wkoll mingħand ġurnalist li l-Pulizija qegħdin warajh. L-akkużat talab lil zijuh ukoll biex jeħodlu ħsieb lit-tfal u l-familja.
F’xhieda ta’ kważi erba’ sigħat, l-Ispettur Arnaud qal li meta Fenech kien bil-police bail kellu l-pulizija mal-bieb.
Xehed li meta ġie interrogat, it-Tabib Vella qalilhom li l-Ħadd 24 ta’ Novembru, irċieva żewġ telefonati mingħand Schembri u Fenech biex jinġabar dokument mid-dar ta’ Schembri.
L-ispettur qal li meta t-tabib mar fid-dar ta’ Fenech, tah il-mowbajl u kellem lil Schembri.
F’dan id-dokument kien hemm miktub l-inizjali ta’ isem u kunjom il-ministru Chris Cardona. Fenech allega li dan ġie m’għand Schembri.
L-Ispettur qal t-Tabib Vella, qalilhom li qabel l-arrest, beda jara lil Fenech ħażin ħafna u tah parir biex imorru Għawdex u joqgħod fil-villa tiegħu. Fi triqtiohom, Fenech beda jistaħba u beda jgħidlu li ma jridhomx jarawh.
Żied li t-Tabib Vella qal li Yorgen beda jgħid lil ħuh li se jaqbad dgħajsa lejn Tuneż u minn hemm għal Dubaj. Qal li Schembri ma kienx involut f’dan kollu.
It-tabib Vella qal lill-pulizija, li l-akkużat qallu li kien se jgħerreq lil Schembri miegħu jekk kien se jegħreq hu.
Quddiem l-Maġistrat Rachel Montebello, l-ispettur Keith Vella ppreżenta xi dokumenti u karti li ħadu mill-uffiċċju ta’ Yorgen Fenech.
Fis-seduta li jmiss il-qorti se tiddeċiedi dwar talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat