Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda, b’rabta mal-qtil ta’ Joe Bartolo, ta’ 73 sena, u s-sieħba tiegħu Carmen Abela, ta’ 56 sena, li nqatlu nhar il-15 t’Ottubru, f’remissa fejn kienu jgħixu numru ta’ immigranti.
Faisal Iddrisu, ta’ 34 sena mill-Ghana qed jiġi mixli bil-qtil doppju tagħhom.
Fil-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, xehdu fost l-oħrajn, żewġ immigranti min-Niġerja, li kienu jgħixu fl-istess remissa, u li sostnew li Iddrisu kien sikwit jiġġieled mal-vittma minħabba l-kera.
Wieħed mill-immigranti, sostna li Bartolo darba kien talab lill-akkużat sabiex jieħu flusu u jitlaq ‘il barra, hekk kif qal li ddispjaċih li daħħlu f’daru.
L-ieħor qal li meta l-vittma kien ikun rieqed, l-imputat kien jidħol jorqod f’daru mingħajr ma jħallsu.
Xehdu wkoll żewġ surġenti, li kienu fost dawk li marru fuq il-post dakinhar tad-delitt.
Wieħed minnhom, qal li l-akkużat kien ipprova jaħrab imma ġie arrestat. Qal ukoll li fuq il-post instab imqass kbir li jintuza f’siti ta’ kostruzzjoni.
Surġenta oħra ddeskriviet ix-xena, fejn kien hemm il-vittmi u l-immigranti bi ġrieħi.
Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ fis-27 ta’ Diċembru.